Internazzjonali

Renju Unit: Tislima lill-mejtin tal-gwerra waqt Remembrance Sunday

Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra, l-istess bħal fis-snin preċedenti, mexxiet iċ-ċerimonja tradizzjonali ta’ Remembrance Day f’Londra fejn il-pajjiż fakkar lill-Britanniċi li tilfu ħajjithom waqt il-gwerra.

Iċ-ċerimonja ta’ din is-sena kienet nieqsa mill-pompa tas-soltu minħabba t-theddida tal-coronavirus. Dan waqt li l-Prinċep Charles – li hu l-eredi għat-tron tal-Ingilerra – irrappreżenta lil ommu matul l-attivitajiet relatati.

Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm numru ta’ distinti, fosthom il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson, li poġġa girlanda ta’ fjuri fuq il-monument tas-Cenotaph f’Whitehall, fil-qalba tal-kapitali. Attendew ukoll numru ta’ eks Prim Ministri Britaniċi, inklużi John Major, Tony Blair, David Cameron u Theresa May.

Iżda kuntrarju għas-snin ta’ qabel ma sarx il-marċ tradizzjonali tas-suldati veterani u lanqas ma kien hemm il-folol biex jassistu għall-programm tal-attivitajiet fil-kapitali. Waqt iċ-ċerimonja spikka wkoll ir-rispett assolut għall-kriterji tas-social distancing minħabba l-pandemija.

Fl-aħħar jiem – u għall-istess okkażjoni — ir-Reġina Eliżabetta, li llum għandha 94 sena, kienet qiegħdet bukkett tal-fjuri quddiem il-Monument iddedikat lis-Suldat Mhux Magħruf f’Westminster Abbey f’Londra. Il-ġest simoboliku sar biex ifakkar il-mitt sena mindu l-fdalijiet ta’ suldat Britanniku li baqa’ mhux identifikat inġiebu lura lejn l-Ingilterra mill-kamp tal-battalja, waqt l-Ewwel Gwerra Dinija li damet mill-1914 sal-1918.

Intant, ir-Reġina segwiet iċ-ċerimonja tallum mill-gallarija tal-bini tal-Foreign, Commonwealth and Development Office waqt li l-Prinċep Charles qiegħed girlanda, f’isimha, quddiem il-monument tat-tifikra (Cenotaph).