Knisja Lokali

Restawr ta’ pitturi fil-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat

Xogħol ta’ iktar minn sitt xhur wassal għal restawr mill-isbaħ fis-saqaf tal-Kappella li tagħmel parti mill-Knisja ddedikata lil San Pawl.

Il-Kappella, iddedikata lil Sant’Anton Abbati, għandha pitturi ta’ sitt metri kwadri fis-saqaf li oriġinarjament saru mill-artist Taljan Eliodoro Coccoli, bix-xogħol beda fl-1929 wara li l-koppla ġġarfet ħames snin qabel.

Ftit snin ilu bdiet tiġi nnutata ħsara kbira fil-koppla tant li affetwat lill-pitturi hekk kif xorbu ħafna ilma tax-xita li daħal mis-soqfa.

Net News tkellem mar-restawratur Paul Muscat fejn spjegalna iktar dwar il-ħsara li nstabet qabel beda r-restawr.

“Hawnhekk kien hawn problemi ta’ filtrazzjoni tal-ilma, u għalhekk kien hawn ħafna problemi ta’ żebgħa li kienet qed tinqala’ minn mal-ħajt,” qal Paul Muscat. “Kien hemm ħafna ħmieġ hekk kif meta inti jkollok art li tkun ilha ma tiġi trattata jkun hemm ħmieġ u affarijiet oħra li jibdew jolteraw.”

Dan il-pass kien parti mill-analiżi xjentifika iżda imbagħad wara beda x-xogħol fuq ir-restawr fejn ħa xhur sħaħ biex jitlesta.

“Kien hemm partijiet mill-pasta li kienet qed tinqala’ u għalhekk kellu jsir konsulentament,” qal Paul Muscat. “Kien hemm ukoll parti mit-tila li kienet qed tinqala’ wkoll u għalhekk sar ukoll il-konsuletament biex titwaħħal ukoll. Wara dawn il-proġetti wieħed jagħmel intergrazzjoni tal-partijiet li jkunu nieqsa. Il-proġett ta’ restawr jibda minn analiżi xjentifika li tiddentifika biex insiru nafu x’inhuma l-problemi u jgħinuna għat-trattamenti li nagħmlu fuqha.”

Ir-restawr jammonta għal kważi €80,000, bi 80% ġew minn fondi Ewropej filwaqt li l-kumplament minn donazzjonijiet tal-poplu Rabti.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm l-Isqof Awżiljaru Joseph Galea-Curmi fejn qal li dan ir-restawr sar għall-ġid ta’ pajjiżna b’messaġġ importanti biex ikun apprezzat il-wirt storiku għall-ġenerazzjonijiet futuri.