Kien propju fil-11 ta’ filgħodu, tal-11-il jum tal-11-il xahar tal-1918 li waqa’ silenzju fil-kampijiet tal-battalja fejn miljuni ta’ suldati inqatlu f’erba’ snin ta’ ġlied qalil, silenzju li ġab miegħu it-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Matul dawn l-aħħar mija u sentejn, Jum l-Armistizju inbidel f’ġurnata ta’ tislima għall-vittmi tal-gwerer kollha madwar id-dinja, b’pajjiżna jingħaqad mal-kumplament tal-Commonwealth biex fl-eqreb Ħadd tal-11 ta’ Novembru jsellem b’mod partikolari lill-vittmi taż-żewġ gwerer dinjija.
Iċ-ċeremonja bdiet f’parata mill-banda u stakkament tal-Forzi Armati ta’ Malta mill-Parlament sa Misraħ San Ġwann fejn hemm, il-President ta’ Malta, George Vella ngħata s-salut nazzjonali bid-daqq tal-Innu u spezjona l-gwardja tal-unur.

Imbagħad, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa Konċelebrazzjoni Solenni fil-Kon-Katidral ta’ Jum it-Tifkira u fl-omelija tiegħu, saħaq kif f’Jum it-Tifkira għandna d-dover li niftakru għaliex il-memorja ta’ gwerra, li ħalliet biss telliefa, tgħinna nibnu futur aħjar.

Ħa spunt ukoll isellem lill-vittmi tal-gwerra li għaddejja minnha d-dinja bħalissa, il-COVID-19, u appella lill-awtoritajiet ikunu aktar responsabbli biex ma jintilfux aktar ħajjiet.

Flimien mal-President, preżenti għall-quddiesa kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, flimkien mal-mara tiegħu Anne Marie, li għalih kienet l-ewwel ċelebrazzjoni nazzjonali f’din il-kariga kostituzzjonali.

Preżenti ukoll il-Prim Ministru, l-iSpeaker, Anġlu Farrugia, membri tal-ġudikatura mmexxija mill-Prim Imħallef, Mark Chetcuti, il-Viċi Kap tal-PN, David Agius, deputati miż-żewġ naħat, l-eks Prim Ministru, Lawrence Gonzi, kif ukoll diversi membri tal-Korp Diplomatiku.

Wara l-quddiesa, iċ-ċeremonja ta’ tifkira mbagħad kompliet fuq il-monument tal-gwerra fil-Furjana fejn wara li ndaqqu l-Innu Malti u l-Last Post, saru 2 minuti silenzju ta’ tislima, li nkissru b’salut, id-daqq ta’ Reveille mit-trumbetti tal-banda tal-Forzi Armati kif ukoll flypast minn ħelikopter tal-istess forzi, li kienet qed iġġorr il-bandiera Maltija.

L-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, flimkien mar-rappreżentanti tal-vittmi u l-veterani tal-gwerra, imbagħad qegħdu kuruni tar-rand u l-pepprin, il-fjura assoċċjata ma’ dina l-ġurnata.

Din is-sena, il-gżejjer Maltin bħala kolonja tar-Renju Unit flimkien mal-alleati qed jiċċelebraw il-75 anniversarju ta’ VE Day, fit-8 ta’ Mejju 1845, meta kienu aċċettaw iċ-ċediment formali tal-Ġermanja Nażista wara kważi 6 snin ta’ gwerra li ħalliet eluf ta’ vittmi u ħerba minn pajjiżna.
