Lokali

“Żammejna l-pandemija mill-aspett mediku taħt kontroll” – Robert Abela

Din il-ġimgħa, pajjiżna rreġistra 14-il mewta kawża tal-COVID-19. Il-fatalitajiet s’issa jammontaw għal kważi 80. Fl-aħħar jiem aktar minn 1,000 każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta u f’Għawdex. Il-persuni li jinsabu rekoverati fl-isptarijiet minħabba l-pandemija huma kważi 200. Numri allarmanti għal kulħadd, numri inkwetanti għall-esperti, iżda “taħt kontroll” għall-Prim Ministru.

Hekk saħaq l-Prim Ministru Robert Abela f’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju Laburista. F’intervista ta’ ftit inqas minn 10 minuti, Robert Abela infexx f’attakk wara l-ieħor kontra l-Partit Nazzjonalista u kontra s-Soċjetà Ċivili. Madanakollu, Robert Abela reġa’ faħħar il-proposta tal-Partit Nazzjonalista tal-iskema tal-vouchers fejn saħaq li din għamlet tajjeb għall-ekonomija.

Fid-dawl ta’ allegazzjonijiet serji li qed joħorġu fil-konfront ta’ membri u eks membri ta’ karigi għolji fil-Gvern u fil-Partit Labursita, Robert Abela saħaq li jemmen f’governanza tajba u li hadd mhu perfett. Minkejja li baqa’ ma ħa ebda azzjoni fil-konfront ta’ dawn l-allegazzjonijiet serji, minkejja li fl-ebda ħin ma ċaħad li dawn ġraw, Robert Abela qal li jixtieq politka trasparenti. Fl-aħħar ġimgħa biss, il-Partit Laburista mill-ġdid fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena hekk kif ħarġet l-aħbar li allegatament, persuni jew persuni mill-Labour kienu nvoluti fi pjan ta’ serqa fuq il-bank HSBC 10 snin ilu.

Il-Gvern kien suġġett ukoll għal kritika qawwija għal mod kif ħatar liċ-Charimain tal-FIAU mingħajr ma ressaq din id-deċiżjoni għall-iskrutinju Parlamentari kif titlob il-kostituzzjoni ta’ Malta.