Lokali Qorti

20 xahar ħabs fuq eroina li nstabet fid-dar tal-kunjati u li sar reċidiv

Raġel ta’ 41 sena mill-Marsa ġie kundannat 20 xahar ħabs u mmultat €3,500 wara li nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu ammont sinifikanti ta’ droga eroina, u li din kienet tindika li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Din id-droga nstabet għand il-kunjati tiegħu.

F’sentenza ta’ 23 paġna mogħtija mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Roderick Gerada ma nstabx ħati li ttraffika id-droga. Il-Prosekuzzjoni qalet li wara tfittxija li saret fir-residenza tiegħu din irriżultat fin-negattiv.

Madankollu meta saret tfittxija fir-residenza tal-kunjati, instabet landa blu li fiha, minbarra droga, kien hemm ammont ta’ flus, li dwarhom saru proċeduri separati. Fil-landa kien hemm aktar minn 100 gramma ta’ sustanza kannella, li kienet eroina.

Fis-7 ta’ Ottubru 2009 kienu ġew arrestati erba’ persuni li kienu preżenti u lkoll itteħditilhom stqarrija, b’Gerada baqa’ miżmum għal investigazzjoni ulterjuri. Id-droga kienet instabet fi gwardarobba tal-kamra tas-sodda.

Is-Surġent Alan Cutajar xehed fil-Qorti li l-imputat kien ġie nterċettat f’vettura bajda tal-marka Toyota Corolla, u miegħu kien hemm ukoll riekba żewġ nisa. Ix-xhud qal illi minn hemmhekk, hu u Pulizija oħra marru f’residenza fil-Marsa u waqt tfittxija, fil-kamra tas-sodda nstabet il-landa blu.

Fiha kien hemm pakketti tal-plastik bi trab kannella, li dak il-ħin kienet suspettata eroina, żewġt imwieżen elettroniċi, sikkina bi traċċi kannella, credit card f’isem Roderick Gerada, li fuqha wkoll kien hemm traċċi, u borża trasparenti li fiha kien hemm is-somma ta’ €3,300 fi flus kontanti, suspettati foloz.

Minn hemmhekk, dawk preżenti kollha spiċċaw arrestati u meħuda fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-investigazzjonijiet. L-Ispiżjar Mario Mifsud qal fit-trab ta’ lewn kannella li kien hemm fit-tlett boroż tal-plastik. Qal li l-ammont nett totali ta’ eroina kien ta’182.1 grammi, Il-purità medja għas-sustanza eroina kienet ta’ madwar 32.2%.

L-Uffiċjal tal-Probation Mary Rose Farrugia esebiet Social Inquiry Report, fil-konfront tal-imputat u mill-istess rapport jirriżulta li beda jabbuża mid-droga eroina u kokaina meta kellu bejn 14 u 15-il sena. Kien waqaf fl-età ta’ 16-il sena, meta beda joħroġ ma’ tfajla illi llum hija martu u li għandu tliet itfal.

Wara ż-żwieġ kien hemm okkażjonijiet fejn l-imputat abbuża mill-eroina u mill-kokaina, iżda meta nbdew dawn il-proċeduri huwa ma baqax jagħmel użu mid-droga.

Huwa stess sostna illi ilu ma jabbuża mill-eroina madwar sitt snin, iżda ma eskludiex illi kien hemm okkażjonijiet, mhux frekwenti, li fihom abbuża mill-kokaina. Meta nbdew dawn il-proċeduri, qal li beda jfittex il-kura.

Dan billi mar għand it-tabib tiegħu, li ppreskrivielu l-pilloli Suboxone sabiex jikkontrolla l-abbuż. Għalkemm l-imputat insista illi kien wieqaf għal kollox mill-użu tad-droga, żewġ kampjuni tal-urina li ttieħdu fil-11 ta’ Mejju 2015 u fil-15 ta’ Mejju 2015 irriżultaw fil-pożittiv għas-sustanza kokaina u għalhekk l-Uffiċjal tal-Probation issuġġeriet lill-imputat sabiex jagħmel kuntatt mal-Aġenzija Sedqa.

Skont l-istess Uffiċjal tal-Probation, kien jeħtieġ illi l-imputat ikun f’kuntatt ma’ xi aġenzija li tgħin fir-rijabilitazzjoni tad-droga, sabiex jiġi megħjjun biex iżomm il-bogħod mill-abbuż. Kien hemm ukoll bżonn li l-imputat juri motivazzjoni u impenn sabiex ikollu mpjieg regolarizzat biex ikun jista’ jgħix ħajja stabbli.

Għal fini ta’ piena il-Qorti qieset il-kondotta tal-imputat, kif aġġornata sa Diċembru 2018, mil-liema jirriżulta illi l-imputat instab ħati ta’ diversi reati, fosthom diversi reati f’iżjed minn okkażjoni waħda, li jinkludu pussess ta’ biljetti ta’ flus iffalsifikati u ħsara volontarja.

L-aħħar reati li dwarhom instab ħati jomorru lura għas-sena 2010 u għalhekk ma jidhirx li minn dakinhar huwa reġa’ xellef diffrejh mal-ġustizzja. Il-Qorti qieset ukoll mill-banda l-oħra, in-natura serja tal-imputazzjoni li dwarha nstab ħati Gerafa, kif ukoll l-ammont ta’ droga mertu tal-każ, li huwa ammont sinjifikanti.

Il-Qorti qieset ukoll il-kontenut tas-Social Inquiry Report fejn ittieħdet ukoll in konsiderazzjoni li dan il-każ jmur lura għas-sena 2009 u illi għalkemm kien hemm seduti li fihom l-imputat ma deherx, kif ukoll seduti li fihom intalab differiment mid-difiża, id-dewmien fil-proċeduri ma kienx għal kollox tort ta’ Gerada.

Il-Qorti ordnat ukoll biex fi żmien 15-il ġurnata d-droga maqbuda tiġi distrutta.Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Victor Aquilina.