Internazzjonali

Brexit… Ġimgħa oħra ta’ taħditiet kruċjali

L-Uffiċjali tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea reġgħu bdew ġimgħa oħra ta’ taħditiet kummerċjali bit-tama li jaslu għal ftehim qabel jispiċċa l-perjodu tat-tranżizzjoni ta’ wara Brexit.

It-taħditiet f’Londra jinkwadraw fil-programm tan-negozjati fejn il-Britanniċi u l-Unjoni Ewropea qed jippruvaw inaqqsu d-differenzi sinifikanti dwar kwoti tas-sajd u issues ta’ kompetizzjoni.

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson qal li l-bażi elementarja ta’ ftehim qiegħda hemm u li n-naħat jistgħu jaslu għal ftehim.

Madankollu Johnson insista li r-Renju Unit, jinsab lest għal sitwazzjoni fejn jitlaq mis-suq ħieles u l-unjoni doganali mingħajr ftehim, wara l-31 ta’ Diċembru.

In-negozjatur ewlieni tal-UE, Michel Barnier, u r-rappreżentant tar-Renju Unit, Lord Frost, jinsabu fi ġlieda mal-ħin biex jikkonkludu sħubija ekonomika għall-futur. Hu importanti li l-ftehim jintlaħaq qabel, fl-aħħar tas-sena, jikkonkludi l-perjodu tat-tranżizzjoni li jippermetti biex Brexit jidħol fis-seħħ b’mod effettiv.