Lokali Qorti

Ġuri dwar traffikar ta’ droga pospost minħabba l-COVID 19

Ġuri ta’ żewġt irġiel dwar każ ta’ traffikar ta’ droga li kellu jibda llum ġie pospost għal data oħra li sa issa għadha mhijiex magħrufa minħabba l-pandemija tal-COVID 19. Wieħed mill-akkużati kien fuq cabin cruiser li minnu tniżżet id-droga.  Żewġt irġiel oħra allegatament wettqu l-operazzjoni b’żewġ karozzi.

Il-ġuri ta’ Angelus Vella ta’ 67 sena minn Bormla u Jason Said ta’ 47 sena mill-Fgura, kellu jinstema’ mill-Imħallef Aaron Bugeja kien jitratta dwar avvenimenti li wasslu għall-arrest ta’ tliet irġiel akkużati li kkonfoffaw biex jittraffikaw madwar seba’ kilos droga f’Ġunju ta’ 15-il sena ilu. It-tielet raġel, Silvio Buttigieg, ta’ 47 sena minn Bormla, għaddej minn proċeduri separati b’rabta mal-istess inċident

Angelus Vella u Jason Said li qed iwieġbu mhux ħatja jinsabu mixlija li kkonfoffaw biex jittrafikaw l-eroina, li importawha, u li kienu fil-pussess tagħha  f’ċirkostanzi li juru li ma kienx għall-użu personali tagħhom fis-6 ta’ Ġunju tal-2005 u qabel.

Dak inhar Spettur tal-Puklizija u li wara sar Assistenti Kummissarju Norbert Ciappara fil-kumpilazzjoni kien spjega li fis-6 ta’ Ġunju, 2015 – l-Pulizija ġew infurmati li Buttigieg u Said kellhom jimportaw id-droga u li Said kien se jsuq fiż-żona taċ-Ċirkewwa f’Pajero waqt li Buttigieg kien se jkun f’vann Toyota.

Il-Pulizija ġew infurmati wkoll li Vella kien deher fuq il-cabin cruiser tiegħu, fil-moll tal-Marfa, jagħti boroż bojod lil Said. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni Ciappara kien ta struzzjonijiet lin-nies tiegħu biex jimblukkaw iż-żona taċ-Ċirkewwa u jwaqqfu t-Toyota u l-Pajero.

Il-Pajero, misjuq minn Said, waqaf iżda t-Toyota, misjuqa minn Buttigieg injorat ‘road block’ iżda wara twaqqfet mill-Pulizija fl-inħawi tal-Ghadira.

L-ispettur kien ta struzzjonijiet  biex iwaqqfu lil Vella li kien irmiġġa il-cabin cruiser. L-Uffiċjali li fittxew fil-Pajero sabu $115,900 u € 4,300 li kienu f’erba’ envelops kannella li nstabu f’borża bajda tal-plastik. Waqt tfittxija oħra fil-Pajero, imwettqa minn espert tal-qorti, instabu wkoll biljetti relatati mal-ivvjaġġar.

Meta fittxew lil Said, il-Pulizija sabu Lm34 u € 1,350. L-uffiċjali mbagħad marru jfittxu d-dar taż-Żejtun ta’ Said fil-preżenza tiegħu u meta waslu sabu li l-bieb ta’ barra kien sgassat u l-post kien imħarrbat.

Huma wettqu t-tfittxija tagħhom li matulha sabu biljetti tal-ajru li jindikaw vjaġġ lejn Pariġi datati Awissu 2004, bagalja li fiha pakkett mimli sustanza kannella u riżma tal-karti. Said qal li l-bagalja kienet ta’ persuna Tuneżina u li hu (Said) kien ilu ma jkun id-dar għal madwar ġimgħa.

Il-Pulizija fittxew ukoll it-Toyota fejn sabu erba’ kontenituri li fihom sustanza suspettata li hija droga. L-Ispettur Ciappara kien qal ukoll li waqt l-interrogazzjoni Said inizjalment ma kienx jaf l-ammont eżatt ta’ flus fil-Pajero, li kienet rreġistrata f’isem oħtu.

Said qal lill-pulizija li kellu jmur Għawdex biex jiltaqa’ma’ raġel Taljan biex jibdel Lm24,000 f’dollari Amerikani iżda r-raġel Taljan kien ġie Malta u allura ma kellux bżonn imur Għawdex.

Meta mistoqsi dwar il-preżenza ta’ Buttigieg, Said qal li s-Sur Buttigieg talbu biex jissellef vann għax kellu bżonn jagħme qadja. Said qal li ma jafx għalfejn is-Sur Buttigieg kien fl-inħawi taċ-Ċirkewwa u nnotah biss meta twaqqaf fir-road block u ra lil Buttigieg jgħaddi bil-ħeffa f’vann Toyota rreġistrat fuq isem ħuh (Said).

L-ispettur qal li Buttigieg qal lill-Pulizija li ħareġ mill-ħabs tlett ijiem qabel u dakinhar tal-inċident mar ikellem lil ħu Said, Garry. Said imbagħad talbu biex jgħinu jwettaq biċċa operazzjoni u huwa qabel li jġorr 700 gramma ta’ eroina li minnhom kellu jingħata 50 gramma.

Rikors Kostituzzjonali

Sadanittant l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Alex Scerri Herrera ippreżentaw rikors Kostituzzjonali dwar il-każ fejn qalu li għandhom jitneħħew mill-provi l-interċetazzjonijiet kollha ta’ telefonati li saru mis-Servizz tas-Sigurtà ta’ Malta bejn Angelus Vella, Jason Said u persuni oħra.

Fir-rikors li sar kontra l-Avukat tal-Istat, il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà qalu li tali interċetazzjonijiet kienu saru abbażi ta’ mandati awtoriżżati mill-Ministru tal-Intern dak iż-żmien, għax hu responsabbli minnhom.

Ingħad ukoll li minkejja li huwa prinċipju kardinali li l-Pulizija għandu jkollha l-għadda neċċessarja sabiex tippreveni reati kriminali, il-mod kif jaħdem huwa bi vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Id-difiża qalet li minn fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea huma Malta u r-Renju Unit biss fejn il-mandati għall-interċezzjonijiet telefoniċi jinħarġu mill-Ministru responsabbli mill-Intern u mingħajr ebd kontroll mill-organu ġudizzjarju.

Anke fir-rigward tal-Liġi Ingliża saru salwagwardji fil-liġi li ġew injorati kompletament mill-Liġi Maltija. Għaldaqstant Vella u Said qegħdin jitolbu lill-Qorti biex tiddikjara li nkisru d-drittijiet fundamentali tal-akkużati għal smiegħ xieraq skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijeit tal-Bniedem permess li f’dawn l-interċezzjonijiet mhemmx skrutinju ġudizzjarju u serħan tal-moħħ li tali prova nġabret b’mod trasparenti.

Għaldaqstant qegħdin jitolbu wkoll li kull aċċess lill-awtoritajiet ta’ tali data mill-Pulizija u kommunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ networks pubbliċi ta’ kommunikazzjoni u kull aċċess ta’ data hija llegali.