Coronavirus Kummerċ Lokali

Il-komunità kummerċjali tal-Belt Valletta b’tama għall-ġranet tal-festi

Għal darboħra, it-toroq u l-pjazez tal-Belt Valletta se jkunu qed jiżżejjnu għal żmien il-Milied, u l-komunità kummerċjali se tkun qed tagħmel dak kollu possibbli biex l-esperjenza ta’ dawk kollha li jżuru l-kapitali Maltija tkun waħda sigura u b’żamma totali mal-miżuri restrittivi marbuta mal-pandemija.

Sabiex ikun mgħejjun il-kummerċ fil-ġimgħat tal-festi, il-carpark tal-MCP se jkun qed jofri parkeġġ b’xejn bejn it-8 u l-31 ta’ Diċembru, u l-ħwienet x’aktarx jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom sabiex ma jinġemgħux ħafna nies f’ħinijiet ristretti.

Dakinhar tas-27 ta’ Novembru meta mistennija jkun hemm offerti speċjali fil-ħwienet għal Black Friday, ukoll se jkun hemm parkeġġ b’xejn fl-MCP.

Quddiem il-bini tal-Parlament se tintrama siġra kbira tal-Milied b’differenza, u l-pjazez prinċipali se jkunu mżejna u mixgħula bi dwal tal-Milied filwaqt li se jkun hemm presepju armat fi Pjazza de Vallete u projezzjoni fuq tliet faċċati fi Pjazza San Ġorġ.

Id-dwal fil-Belt Valletta se jinxtegħlu nhar l-20 ta’ Novembru.

Il-komunità kummerċjali tal-Belt Valletta qed tittama li fil-ġimgħat li ġejjin, il-poplu jidħol il-Belt Kapitali bħal ma jagħmel ta’ kull sena, biex igawdi mill-atmosfera sabiħa tal-festi u jgħin l-ekonomija tal-pajjiż f’dan iż-żmien ta’ sfida.