Lokali Parlament

Il-Qorti f’Għawdex għandha titmexxxa bħal dik f’Malta

Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li fil-parlament li hu importanti li l-Qorti f’Għawdex għandha titmexxa bħal dik f’Malta waqt li jittieħdu d-deċiżjonijiet biex il-qorti f’Għawdex tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Fil-parlament Chris Said qal li fl-2007 kienet saret emenda kostituzzjonali fejn l-età tal-maġistrati telgħet minn 60 għal 65 sena; propju sena qabel is-sena tal-irtirar. Bejn l-2008 u l-2013 kienu diskussi diversi temi f’kumitat maħtur fejn kien hemm proposta u kważi qbil li l-età tal-irtirar tal-imħallfin u l-maġistrati titla’ għal 70 sena.

Aktar tard kien hemm ftehim bejn il-Gvern Nazzjonalista u l-ġudikatura li fih kien hemm elementi biex il-ġudikatura taħdem aħjar, fosthom it-taħriġ.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN kien ippropona wkoll li jiżdied iż-żmien ta’ esperjenza bħala avukat qabel jinħatar imħallef. Hu żied li kien hemm anki qbil fid-diskussjonijiet li t-terminu jkun ta’ 10 snin biex avukat isir maġistrat u 15-il sena biex avukat isir imħallef.

Chris Said qal li wasal iż-żmien li, bi qbil, jiżdied iż-żmien biex avukat isiru maġistrat jew imħallef. Hu sostna li s-sistema għandha tkun li l-ġudikanti jistgħu jibqgħu sa 68 sena iżda jridu javżaw f’perjodu minn qabel biex b’hekk ikun maħtur ġudikant ieħor jekk jagħżlu li jirtiraw ta’ 65 sena.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa kif għadu ma ngħażel ħadd bis-sistema l-ġdida u żied li l-PN żamm sod li l-Prim Imħallef irid bilfors jinħatar biż-żewġ terzi tal-parlament. Hu tkellem dwar il-qorti f’Għawdex u qal li skont l-emendi l-Qorti ta’ Għawdex kellha tkun preseduta minn imħallef. Dan għaliex hemm anomalija li l-Prim Awla f’Malta huma preseduti minn imħallef, f’Għawedx dan l-istess xogħol jagħmlu maġistrat.

Hu kompla li fl-2012 l-PL kien ressaq mozzjoni privata biex il-qrati f’Għawdex jitmexxew l-istess bħal f’Malta. Minkejja dan ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni, sostna Chris Said, li tkellem dwar il-bini tal-qorti l-ġdid li issa ilu mwiegħed u ma twettaqx.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li taħt il-qorti kellu jsir ukoll parkeġġ importanti taħtu iżda issa kollox sparixxa minn fuq il-budget. Hu appella biex l-Ministru tal-Ġustizzja jagħti kas u ma jinsiex din is-sitwazzjoni li m’hix aċċettabbli għaliex il-qrati m’humiex aċċessibbli għal kulħadd.