Lokali

“Jekk is-settur bankarju jimxi ‘l quddiem, jimxi ‘l quddiem il-pajjiż kollu” – PN

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li jekk is-settur bankarju f’pajjiżna jimxi ‘l quddiem, jimxi ‘l quddiem il-pajjiż kollu. Għalhekk jeħtieġ li ngħaddu mill-eżami importanti tal-Moneyval u li pajjiżna jerġa’ jakkwista reputazzjoni tajba.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa ma’ delegazzjoni mill-Malta Union of Bank Employees.

Bernard Grech qal li l-PN jrid li jisma’ u jagħraf id-diffikultajiet li jinsab għaddej minnu s-settur bankarju, sabiex l-Oppożizzjoni tkun ta’ spalla għal dan is-settur importanti għall-ekonomija, għall-operaturi u l-ħaddiema kollha f’dan is-settur.

Dan meta pajjiżna għadu jrid jgħaddi mill-eżami tal-Moneyval li jista’ jkollu impatt kbir fuq eluf ta’ impjiegi taż-żgħażagħ u tal-professjonisti. Għalhekk jeħtieġ li nissaħħu flimkien u l-PN qed jagħti importanza kbira lil dan is-settur kif ukoll lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fit-12-il pilastru li fuqhom għandu l-viżjoni fejn irid li jwassal lil pajjiżna.

Bernard Grech qal li l-PN irid li jkompli jiddjaloga mal-imsieħba soċjali biex flimkien naraw it-triq ‘il quddiem għal pajjiżna. Mill-Oppożizzjoni determinati li nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet u b’rieda qawwija infittxu s-soluzzjonijiet, il-bidliet, ir-risposti għall-problemi kbar li lkoll qed inħabbtu wiċċna magħhom.

Il-President tal-MUBE William Portelli qal li s-settur bankarju f’Malta huwa wieħed b’saħħtu u mutur għall-ekonomija ta’ pajjiżna, settur li f’dawn iż-żminijiet qed jaffaċċja diffikultajiet li jeħtieġ li negħlbuhom u għalhekk hija ferm importanti r-reżiljenza. Huwa qal li l-ħaddiema fis-settur bankarju jifhmu l-importanza tal-korrettezza, l-integrita’ u l-kontabbilta’ u għalhekk huwa importanti li ngħaddu mill-iskrutinju, partikolament mill-Moneyval u li nakkwistaw lura reputazzjoni tajba.

Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono u mill-Minority Leader tal-PN f’Ħal Qormi Jerome Caruana Cilia. Id-delegazzjoni tal-MUBE kienet immexxija mill-President William Portelli