Lokali Parlament

Jridu jieqfu l-inġustizzji man-nies fil-qrati; id-dewmien esaġerat prijorità

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia appella biex jieqfu l-inġustizzji man-nies fil-qrati fejn id-dewmien esaġerat u l-mod kif jissejħu l-kawżi għandu jkun prijorità.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament Adrian Delia qal li ż-żmien hu wieħed mill-pilastri li fuqu jkun hemm sifidi kontinwi għaliex jekk il-ġustizzja ddum ma ssir ma tkunx saret ġustizzja. Hu sostna li jekk il-volum ta’ xogħol qed jikber, allura jkun hemm iktar dewmien; din hi problema endemika tal-qrati Maltin.

Is-sistema tal-master iktar kienet tawlet iż-żmien flok naqqsitu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li tkellem favur iż-żieda tal-ġudikanti. Hu enfażizza l-kwalità u l-preparazzjoni kontiwna tal-ġudikanti Maltin tul il-kors kollu li huma jdumu fil-ġuikatura.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-liġi llum tant saret vasta minn qabel li l-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa hi qisha diskussjoni fuq setturi differenti. Hu semma’ ċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ fejn jistgħu jintużaw proċeduri internazzjonali jew maqbula bejn il-partijiet u qal li dan iċ-Ċentru mhux jintuża’ biżżejjed. Jeħtieġ isir investiment biex dan iċ-Ċentru internazzjonali jkun utilizzat ħafna aħjar.

Adrian Delia tkellem dwar Ċentru ta’ Medjazzjoni u qal li jekk ikun hemm liġi lil hinn mill-Qorti tal-Familja, is-sitwazzjoni tista’ tkun waħda ħafna aħjar billi junu attirati kawżi internazzjonali li jagħżlu lil Malta.

Dwa kif qed kunu effettwati n-nies, Adrian Delia qal li l-ġudizzju ma jistax jingħata fi żmien snin twal għax dan jeffettwa n-negozji u fil-flus li jkunu jridu jinġabru. Dan jista’ jagħmel id-differenza bejn il-falliment jew is-salvagwardja tan-negozju.

Id-deputat Nazzjonalista qal li anki fejn ma jkunx hemm difiża biex tinġieb fil-kawżu tal-ġbir tal-flus u jkun hemm id-dokumenti iffirmati qed ikun hemm dewmien. Hu semma’ l-Qorti tal-Familja u tratta d-diffikultajiet u d-drittijiet mhux attwati; f’dawn il-kawżi jekk jgħaddi ħafna żmien issir immoralità mhux biss inġustizzja.

Adrian Delia semma’ kawżi li jitrattaw affarijiet fiżiċi li jiddeterjoraw propju minħabba ż-żmien u għalhekk iż-żmien jagħmel differenza kbira. Meta tkellem dwar l-esperti mqabbda mill-qrati, kumpaniji tal-assikurazzjoni jew il-partijiet, Adrian Delia qal li hemm każi li informazzjoni falza teffettwa l-kawżi.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li fil-ħtiġijiet tal-qrati, qatt daqs illum m’hawn opportunità li jinbidel il-mod kif issir il-ġustizzja f’Malta. Hu kompla li dan jirriżulta anki minħabba l-COVID li ġabet sitwazzjonijiet li qabel qatt ma kienu maħsuba.

Adrian Delia tkellem dwar il-mod kif in-nies ikunu trattati fil-qrati li jsejħu 60 kawża fid-9 am u jekk il-persuna ma tkunx preżenti tista’ titlef il-kawża iżda jekk iddum biex tissejjaħ għal siegħat qisu ma jkun ġara xejn. Dan qed joħloq inġustizzji ma’ ħafna nies, sostna Adrian Delia.