Lokali

“Kredibilità u rispett” – Roberta Metsola qrib l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew

Artiklu miktub minn David Stellini

Jekk il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, din il-ġimgħa, tiġi kkonfermata bħala l-ewwel Viċi-President tal-Parlament Ewropew, din tkun l-ogħla kariga li ewroparlamentari Malti qatt ġie elett fiha, minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Naħseb li aħna bħala ċittadini Maltin u Għawdxin għandna nkunu konxji ta’ dan l-iżvilupp politiku u nagħrfu li din il-kariga ġġib magħha responsabilitajiet kbar fuq spallejn Metsola, kif ukoll tista’ tkun ta’ ġid kbir għalina l-Maltin u l-Għawdxin.

Qed nimmaġinak tistaqsini, imma dan l-irwol il-ġdid x’jirrikjedi?

L-ewwel ħaġa tajjeb li infakkar li l-Parlament Ewropew għandu President, kif ukoll erbatax il-Viċi President. L-elezzjoni ta’ nhar il-Ħamis li ġej hija biex jiġi elett Viċi President wieħed li huwa dak l-iktar importanti minnhom kollha u allura imsejjaħ formalment bħala l-Ewwel Viċi President.  

Bħala l-Ewwel Viċi-President, Metsola se tkun qed tagħti appoġġ dirett u tissostitwixxi lill-President tal-Parlament Ewropew fl-ewwel istanza jekk ikun assenti jew mhux disponibbli biex jaqdi dmirijietu.

Dan ifisser li Metsola ser tkun qed tippresjedi seduti plenarji jew tirrappreżenta lill-Parlament f’ċerimonji speċifiċi. Metsola se jkollha wkoll bosta responsabbiltajiet ta’ livell għoli bħala membru tal-Bureau, il-korp responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi, tal-persunal u organizzattivi kollha tal-Parlament.

M’għandix dubbju li Metsola ser issib għajnuna b’saħħitha mill-kollega tagħha David Casa li hu wkoll huwa membru ta’ dan il-Bureau, fl-irwol tiegħu tal-Ewwel Kwestur tal-Parlament Ewropew.

Casa wkoll kien ġie elett fil-kariga tiegħu tal-ogħla Kwestur. Dan kollu huwa xhieda ħajja ta’ kemm iż-żewġ Membri Parlamentari Nazzjonalisti igawdu minn rispett u kredibilita’ minn sħabhom l-ewroparlamentari li ġejjin mill-pajjiżi oħra ta’ kull kamp politiku.

Biex wasslet s’hawn, cioe biex il-Grupp Parlamentari tal-PPE jonnimina lilha għal dan l-irwol, ftit tal-jiem ilu Metsola rebħet b’65 fil-mija tal-voti tal-PPE kontra l-ewroparlamentari Irlandiż Sean Kelly li hu wkoll huwa maħbub sew mill-ewroparlamentari.

  • Lista ta’ fatti dwar il-karriera politika ta’ Roberta Metsola

April 2013 – Ħadet is-siġġu tagħha fil-Parlament Ewropew, meta Simon Busuttil ċeda s-siġġu biex jirritorna fix-xena politika Maltija. 

Lulju 2014 – Reġgħet rebħet s-siġġu tal-Parlament Ewropew.

Jannar 2017 – Ġiet eletta mill-Grupp parlamentari PPE bħala koordinatriċi fl-oqsma tal-libertajiet ċivili, ġustizzja u intern.

April 2019 – Mexxiet u wasslet liġi importanti ħafna dwar il-sistema ta’ gwardja tal-kosta u tal-fruntieri Ewropej li timmaniġġja l-immigrazzjoni b’mod effettiv u tassigura livell għoli ta’ sigurtà interna, inkluż fi bliet Ewropej. Hija sistema li ser jkollha 10,000 gwardja tal-fruntieri impjegati magħha. 

Lulju 2019 – Reġgħet rebħet is-siġġu tal-Parlament Ewropew.

April 2020 – Mexxiet u wasslet fi tmiem proċess ta’ konsultazzjoni fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew dwar il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni. Ġie ppubblikat dokument li bih twittiet parti kbira mit-triq għall-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika il-proposti legali tagħha fuq l-istess suġġett.