Lokali

Nissaħħu Flimkien: In-nisa u ż-żgħażagħ fil-qofol tat-tmexxija pubblika u privata

Is-sehem kbir li jistgħu jagħtu n-nisa u ż-żgħażagħ huwa element importanti fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista tant li ngħataw l-importanza mistħoqqa bħala pilastri mill-viżjoni bit-12-il pilastru tal-PN.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar qal li l-PN bil-fatti jemmen li ż-żgħażagħ mhux biss huma l-preżent iżda wkoll il-futur tagħna.

Aħna obbligati u nagħtu każ x’jgħidu ż-żgħażagh dwar aspetti li fil-preżent qegħdin jolqtuhom fosthom il-pandemija, l-ambjent, l-attiviżmu, l-istili ta’ ħajja sana, l-kwalita’ tal-ħajja u s-saħħa mentali. Robert Cutajar qal li żgħażagħ għandhom rwol importanti fil-volontarjat li huwa valur ieħor ewlieni fit-tessut tas-soċjeta’ tagħna.

Huwa qal li bit-12-il pilastru li l-PN jrid li jwassal lil pajjiżna, l-PN se jkun il-vuċi u tarka taż-żgħażagħ, fejn nifhmu l-ħsibijiet tagħhom u npoġġuhom quddiemnett fuq l-aġenda tal-pajjiż. Se nkomplu naħdmu bħala Oppożizzjoni serja u kredibbli li ż-żgħażagħ jiġu offruti l-aqwa opportunitajiet u nirsistu biex nagħtu lill-ġenerazzjoni ta’ għada futur aħjar għalihom u l-familji tagħhom.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Claudette Buttigieg qalet li minkejja d-diversi miżuri importanti u pożittivi li ttieħdu, fadal x’nagħmlu biex nassiguraw li jitneħħa kull xkiel li jista’ jżomm il-mara milli tilħaq l-aspirazzjonijiet, il-ħolm, u t-talenti tagħha. Fadlilna aktar x’nagħmlu biex fost l-oħrajn nassiguraw li l-mara titħallas daqs raġel għall-istess xogħol u titnaqqas il-Gender Pay Gap u niġġieldu l-vjolenza domestika.

Il-PN kellu sehem attiv fid-diskussjonijiet dwar il-Gender Balance fil-Parlament u l-miżuri biex aktar nisa jkunu fil-Parlament u għandu jkun hemm sforz kollettiv biex in-nisa jiġu eletti sabiex jinħoloq aktar bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament. Claudette Buttigieg qalet li fuq ħaġa li ż-żewġ naħat qed jaqblu għandna mill-aktar fis nikkonkluduha bi ftehim, ngħaddu l-liġi u nimplimentawha fuq il-bażi tar-riżultat tal-aħħar elezzjoni biex is-sistema tindara fil-prattika u biex dak li nemmnu fih inwettquh fil-prattika u bla dewmien.

Il-President tal-Moviment Żgħażagħ PN (MŻPN) Joseph Grech qal li l-PN se jibqa’ jinvolvi liż-żgħażagħ f’kull settur biex ikollu ideat friski. Huwa qal li dmir tagħna bħala PN li ż-żgħażagħ nagħtuhom l-opportunitajiet u l-okkażjonijiet fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fl-istrutturi kollha tal-partit u wara li nisimgħu, jkunu wkoll parti mit-tfassil tal-politika. B’hekk nilħqu l-aspirazzjonijiet b’ideat li jolqtu liż-żgħażagħ. Joseph Grech qal li l-PN magħruf li jagħti widen liż-żgħażagħ u fil-passat iġġieled il-ġlidiet tagħhom. Il-viżjoni tal-PN għaż-żgħażagħ tidher ċar bit-12-il pilastru, fejn hemm ħafna oqsma li jolqtuhom direttament.

Huwa qal li hu d-dmir tal-PN u li nagħmlu l-kwalita’ tal-ħajja taż-żgħażagħ prijorita’, bix xogħol u l-edukazzjoni biex iktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw u jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Il-PN qed ipoġġu fuq quddiem l-ambizzjonijiet u aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u jagħmilhom tiegħu.

Il-President ta’ Team Start PN Thomas De Martino tkellem dwar il-mod kif dan iż-żmien tal-pandemija qed tolqot liż-żgħażagħ u qal kif ħinijiet qosra bejn il-lezzjonijiet fl-iskola u oħrajn li jsiru virtwali qed iwasslu biex l-istudenti jibqgħu xorta waħda fiżikament fl-iskola u b’hekk jintilef l-għan tal-użu virtwali u għaldaqstant il-ħinijiet għandhom isiru iktar ippjanar. Għandhom jiġu indirizzati wkoll diffikultajiet li l-istudenti jesperjenzaw biex jaċċessaw il-lezzjonijiet virtwali mid-djar.

Thomas De Martino qal li għandha titneħħa, imqar temporanjament, il-limitu ta’ 20 siegħa xogħol fil-ġimgħa għall-istudenti, li dwarha tkellem ukoll il-KSU. Is-sistema preżenti ċċaħħad l-istipendju lill-istudenti li jaħdmu għal aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa, miżuri intiża biex tinċentiva l-istudju iżda hemm ukoll ir-realta’ ta’ studenti li jaħdmu biex jgħinu lill-familja tagħhom u biex ilaħħqu mal-ispejjeż.