Lokali Qorti

Preskritt każ ta’ priġunier akkużat li kellu d-droga fil-ħabs

Raġel ta’ 37 sena mill-Kalkara li għandu problema ta’ droga akuta ma nstabx ħati li fit-2 ta’ Ottubru tal-2006 kien fil-pusses ta’ droga kannabis f’ċirkostanzi li ma kinitx għal użu personali kellu l-każ tiegħu preskritt. Il-każ waqa’ peress li l-akkużi fil-konfront tiegħu kienu preżentati wara aktar minn ħames snin.

Allan Grima qed jiskonta diversi sentenzi fuq droga u serq. Huwa kien qed jiġi mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li kellu fil-pussess tieghu r-raża meħuda mill-pjanta kannabis jew xi preparazzjonijiet li jkollhom bħala bażi din ir-raża.

Kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tieghu d-droga eroina u li naqas jipprova li kellu din id-droga għall-użu personali tiegħu u mingħajr l-awtorità leġittima, daħħal jew ipprova jdaħħal f’xi parti tal-konfini tal-ħabs mediċina perikoluża.

Kien qed jiġi mixli wkoll li sar reċidiv wara sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fil-21 ta’ Jannar, 2002 u li qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal numru ta’ serqiet, u każ ieħor fit-2 ta’ Settembru, 2004 liema deċiżjonijiet saru definittivi.

Il-Qorti qalet li l-atti allegatament saru fis-sena 2006, jiġifieri mit-2 t’Ottubru u qabel. L-imputat kien tressaq u deher fl-ewwel seduta biss fit-22 ta’ Novembru 2011, li jfisser aktar minn hames snin wara t-2 t’Ottubru 2006.

Minkejja li jidher car li l-akkużi ġew prezentati fil-Qorti fit-28 ta’ Settembru 2011 iżda ma hemm ebda indikazzjoni meta huwa kien irċieva dawn l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Jidher ukoll li fl-10 t’Ottubru 2011 Grima ma kienx preżenti waqt din is-seduta u lanqas ma hemm indikat meta Grima ġie notifikat b’dawn l-akkużi u għalhekk tali nuqqas il-Qorti ma tistax tassumi li saru bejn it-28 ta’ Settembru 2011 u l-10 t’Ottubru 2011.

Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni kellha sa mill-anqas l-1 t’Ottubru tal-2011 li tinnotifika lill-imputat bl-akkużi, iżda ma hemm ebda prova ta’ din in-notifika fl-atti tal-każ.

Għaldaqstant f’dawn iċ-ċirkostanzi il-Qorti qalet li hija tara li l-akkużi miġjubin kontra l-imputat huma preskritti wara li għaddew aktar minn ħames snin minn mindu seħħ ir-reat.

Ghal dawn il-motivi, il-Qorti illiberat lil Allan Grima minn kull ħtija u piena u ordnat d-distruzzjoni tal-oggetti kollha esebiti fil-każ – fosthom id-droga maqbuda. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet millI-Ispettur Pierre Grech.