Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden qed jaħseb biex iwarrab il-politika ta’ Trump mill-aktar fis

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, diġà qed jaħseb fid-direttivi eżekuttivi li jannullaw inkella jwaqqfu mill-aktar fis uħud mill-miżuri politiċi ewlenin li kien implimenta l-President Amerikan Donald Trump fl-aħħar snin tt-tmexxija.

Intant, Joe Biden ħatar lill-ewwel grupp ta’ xjenzati u esperti li se jmexxu r-reazzjoni tal-amministrazzjoni ġdida għall-coronavirus.

Dan wara li Biden kien ikkritika bla heda l-politika ta’ Trump rigward l-impatt li ħalla l-Covid-19 fl-Istati Uniti u l-fatt li l-President Amerikan naqas milli jieħu il-miżuri adatti kontra l-pandemija fuq il-bażi tax-xjenza.

Il-priorità li Biden qed jagħti lill-glieda kontra l-pandemija qed tkun riflessa proprju fit-task force ġdid magħmul minn esperti li se jikkonfrontaw il-Covid-19 b’enfasi akbar minn qatt qabel.

Il-politika ġdida fost oħrajn tirrikjedi żieda ta’  swab tests fost il-popolazzjoni Amerikana, bl-uzu tal-maskri se jsir obbligatorju wara li Donald Trump kien irridikola l-miżura diversi drabi.

Qed jingħad li d-direttivi ġodda ma jirrikjedux l-approvazzjoni tal-Kungress.

Huwa wkoll sinifikanti li l-Istati Uniti, permezz tal-politika tal-Gvern ġdid immexxi minn Biden, beħsiebha tieħu l-passi biex tibqa’ msieħba fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima waqt li tkompli bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Dan wara li Donald Trump kien ħa l-inizjattiva biex joħroġ pajjiżu mill-Ftehim inkwistjoni u meta l-Istati Uniti, fl-aħħar xhur, iritirat minn diversi impenji fuq livell globali.

Fl-istess ħin, il-konsulenti ta’ Joe Biden qegħdin jiddiskutu min jista’ jimla l-karigi ewlenin fit-Tmexxija ġdida wara li l-President elett wiegħed li jintroduċi l-aktar Kabinett li jirrifletti ‘diversità’ fl-istorja tal-Istati Uniti.

Fl-aħħar sigħat, Joe Biden, flimkien mal-Vici President-elett Kamala Harris, niedew sit elettroniku li qed jintuża bhala pjattaforma proviżorja li minnha huma qed ifasslu l-pjan tagħhom biex jibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni tal-Istati Uniti.

Madankollu, il-President Amerikan Donald Trump fl-ebda ħin ma bagħat messaġġ jew stqarrija biex jirrikonoxxi t-telfa elettorali li kienet ikkonfermata nhar is-Sibt.

U filwaqt li numru kbir ta’ mexxejja minn madwar id-dinja awguraw lil Joe Biden dwar ir-rebħa elettorali, ir-Russja u ċ-Ċina t-tnejn ma ħarġu l-ebda stqarrija uffiċjali dwar ir-riżultat tal-elezzjoni fl-Istati Uniti.

Erba’ snin ilu, il-President Russu, Vladimir Putin, kien fost l-ewwel li feraħ lil Trump għar-rebħa elettorali sorpriża. Iżda s’issa hu ma kien bagħat l-ebda telegramma jew tweet lil Biden bħala l-President-elett tal-Istati Uniti.

Numru ta’ osservaturi suspettaw li ‘is-skiet perfett’ minn Moska kien qed jirrifletti l-fatt li Moska mhix ‘għal kollox sodisfatta’ bir-riżultat tal-elezzjoni fl-Istati Uniti.

Magħruf ukoll li Joe Biden ikkritika lilr-Russja diversi drabi u kien hemm anki żmien fejn hu identifika lil dan il-pajjiż bħala ‘l-akbar theddida għall-Istati Uniti’.