Lokali Qorti

Yorgen Fenech qed isostni li sofra “ħsara irreparabbli”

Yorgen Fenech qed isostni li sofra “ħsara irreparabbli” minħabba dikjarazzjonijiet magħmula mix-‘shadow minister’ u l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi u dan waqt programm tar-radju disat ijiem ilu.

In-negozjant, li bħalissa jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ressaq l-ilmenti tiegħu l-Qorti t-Tnejn filgħodu permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li qed tippresjedi l-kumpilazzjoni tal-provi.

Dan huwa l-aħħar att ġudizzjarju minn diversi oħra li saru u li jikkonċernaw sensiela ta’ dikjarazzjonijiet magħmula mill-avukat tal-parte civile meta kien bħala kelliem mistieden fuq it-talk show live tas-Sibt filgħodu Ghandi xi Nghid, imtella’ mill-Professur Andrew Azzopardi fuq 103fm.

“Allura Yorgen, fl-opinjoni (plural) tiegħek, huwa ħati?” staqsa l-preżentatur tal-programm. “Iva, iva,” wieġeb Azzopardi. “Yorgen Fenech kellu interess kbir ħafna,” kompla l-mistieden, u stqarr li fil-fehma tiegħu, hija maqsuma “minn ħafna”,li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri kien għamel dak kollu possibbli biex “jgħatti” t-traċċi tal-atti mwettqa minn Fenech sabiex ” Ma jinqabadx. ”

Dawn id-dikjarazzjonijiet saru waqt ix-xandira diretta, li filmat tiegħu ġie mxandar ukoll fuq Facebook, li segwewh madwar17,000 il-persuna. Il-video għadu disponibbli sal-lum.

L-avukati ta’ Fenech argumentaw li kien hemm kunflitt ċar bejn ir-rwol ta’ Azzopardi bħala ‘shadow minister’ u parlamentari, u r-rwol attiv tiegħu fil-Prosekuzzjoni fil-proċeduri tal-qtil.

Dikjarazzjonijiet “kontinwi u ripetuti” bħal dawn fil-pubbliku kienu qed jippreġudikaw lil dawk li “fl-aħħar mill-aħħar ikollhom jiġġudikaw” lill-akkużat, huma argumentaw, u saħqu li l-parte civile kienet marbuta li tissalvagwardja l-integrità tal-proċess u l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, li kienet tinkludi id-drittijiet tal-akkużat.

L-avukati talbu lill-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, biex tisma’ x-xhieda ta’ Azzopardi kif ukoll dik ta’ rappreżentant tal-istazzjon tar-radju, u sussegwentement biex tipprovdi rimedju xieraq biex tevita dikjarazzjonijiet simili fil-futur u biex “tinnewtralizza, jekk possibbli, il-ħsara irreparabbli li saret.” L-avukati Gianluca Caruana Curran (ritratt – lemin) , Marion Camilleri u Charles Mercieca (ritratt – xellug) ffirmaw ir-rikors.