Internazzjonali

Armenja-Ażerbajġan: Ftehim għat-tmiem tal-konflitt dwar Nagorno-Karabakh

epa08719051 A handout photo made available by the Armenian Defense Ministry on 04 October 2020 on its official instagram shows Armenian soldiers allegedly during military clashes with Azeri army along the contact line of the self-proclaimed Nagorno-Karabakh Republic (also known as Artsakh). Armed clashes erupted on 27 September 2020 in the simmering territorial conflict between Azerbaijan and Armenia over the Nagorno-Karabakh territory along the contact line of the self-proclaimed Nagorno-Karabakh Republic. EPA-EFE/ARMENIAN DEFENCE MINISTRY HANDOU HANDOUT MANDATORY CREDIT / BEST QUALITY AVAILABLE HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

L-Armenja, l-Ażerbajġan u r-Russja, fl-aħħar sigħat, iffirmaw ftehim għat-tmiem tal-konflitt militari dwar ir-reġjun polemikuż ta’ Nagorno-Karabakh.

Il-ftehim seħħ wara sitt ġimgħat ta’ battalji ħorox għall-kontroll tar-reġjun bejn il-qawwiet Armeni-etniċi u l-Ażeri – iżda l-Armenja xejn mhi kuntentata bl-aħħar żviluppi fejn jidher li ‘se jkollha tibqa’ bit-telf li ġarrbet waqt il-ġlied’.

Fil-fatt, il-Prim Ministru tal-Armenja, Nikol Pashinyan, fisser il-ftehim inkwistjoni bħala ‘wieħed li jweġġa lilu u lill-poplu Armen’ – b’diversi osservaturi jaqblu li l-ftehim kapaċi jitqies bħala ‘rebħa għall-Ażerbajġan u telfa għall-Armeni’.

Ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh hu rikonoxxut bħala parti mill-Ażerbajġan fuq livell internazzjonali, għalkemm hu minnu li l-istess reġjun ilu mill-1994 jitmexxa mill-Armeni-etniċi.

Sadanittant, l-aħħar fażi tal-ġlied għall-kontroll tar-reġjun ġiet konkluża bi ftehim għall-paċi ffirmat mill-President tar-Russja, Vladimir Putin; il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev u l-Prim Ministru Armen Pashinyan.

Il-ftehim jippermetti biex l-Ażerbajġan iżomm iz-zoni ta’ Nagorno-Karabakh li kien ħataf waqt il-konflitt. Intant, l-Armenja qablet ukoll biex, fil-ġimgħat li ġejjin, tirtira minn diversi zoni biswit it-territorji li waqgħu f’idejn l-Ażeri.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, fl-istess ħin, qanqal rabja kbira fl-Armenja, b’numru ta’ dimostranti jassedjaw il-Parlament f’Yerevan fejn sawwtu lill-Ispeaker tal-kamra u ‘vandalizzaw’ l-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-President Putin qal li t-truppi Russi għaż-żamma tal-paċi se jkunu stazzjonati fl-artijiet li sa ftit ilu kienu stabbiliti bħala zona ta’ gwerra bejn l-Armeni-etniċi u l-Ażerbajġan.