Internazzjonali

Brażil: Jitwaqqfu l-provi kliniċi tal-vaċċin taċ-Ċina għal kontra l-Covid-19

Il-provi kliniċi li qed tmexxi ċ-Ċina għall-iżvilupp ta’ vaċċin għal kontra l-coronavirus ġdid ( Covid-19) spiċċaw sospiżi wara li l-awtoritajiet tas-saħħa rappurtaw ‘inċident serju’ relatat mal-proċeduri inkwistjoni.

Ir-regolatur tas-saħħa tal-Brażil – Anvisa – qal li l-inċident inkwistjoni seħħ (waqt il-provi) lejn l-aħħar ta’ Ottubru, iżda ma provdiex aktar dettalji.

Il-vaċċin CoronaVac – li qed ikun żviluppat mill-kumpanija Ċiniża Sinovac Biotech – hu wieħed minn diversi tipi ta’ vaċċini li jinsabu għaddejjin mill-aħħar fażijiet ta’ prova madwar id-dinja. Dan meta l-kelliema għal Sinovac qalu li huma ‘xorta waħda fiduċjużi fis-sigurtà tal-vaċċin tagħhom’.

Il-kumpanija diġà kienet qed tuża l-CoronaVac bħala tilqima għal eluf ta’ persuni bħala parti minn programm ta’ emerġenza.

Dan meta l-Brażil jinsab fost l-agħar pajjiżi tad-dinja li spiċċaw affettwati mill-coronavirus – u meta għandu ‘il fuq minn 5.6 miljun każi konfermati. Dan hu t-tielet l-akbar numru ta’ infezzjonijiet, fuq livell globali, wara tal-Istati Uniti u l-Indja – bl-awtoritajiet fil-Brażil jirreġistraw mal-163,000 imwiet relatati.

Madankollu, l-Anvisa qalet li ‘ħadet inizjattiva biex tinterrompi’ l-provi kliniċi tal-vaċċin tal-CoronaVac wara l-imsemmi inċident li ma kienx spjegat fid-dettall. Lanqas ma ntqal fejn seħħ dan l-inċident, meta l-aħħar fażi tal-provi għall-vaċċin partikulari qed titmexxa wkoll fl-Indoneżja u t-Turkija – bl-ebda minn dawn il-pajjiżi ma jħabbru ‘sospensjoni’

Rapporti oħra li bbażaw fuq is-sorsi viċin il-provi li għaddejjin fil-Brażil qalu li ‘is-sospensjoni kienet relatata ma’ każ ta’ mewt’ – waqt li l-istess sorsi  pruvaw jenfasizzaw li ‘il-mewta ma kenitx irrelatata mal-vaċċin’.

Fl-aħħar sigħat, ir-rappreżentanti ta’ Sinovac kienu qed jikkomunikaw mal-Brażil dwar l-inċident irrappurtat.

Sadanittant, mhix xi ħaġa rari li l-provi kliniċi ta’ vaċċin jispiċċaw sospiżi għal raġuni jew oħra. Eżempju ta’ dan kien meta, f’Settembru, ir-Renju Unit waqqaf għal żmien il-provi għal vaċċin ieħor kontra l-Covid-19 wara li persuna li kienet involuta fil-provi żviluppat xi reazzjonijiet negattivi.

Il-CoronaVac hu fost xi għaxar tipi ta’ vaċċin li jinsabu fl-aħħar stadju tal-prova ( phase 3 trial) madwar id-dinja. Din il-fażi hi partikularment kruċjali peress li, fil-passat, fallew numru ta’ vaċċini sperimentali li kienu waslu sa dan l-istadju.

Id-disfatta għall-vaċċin ‘Ċiniż’ (li tista’ tkun waħda temporanja) u s-sospensjoni tal-provi fil-Brażil kienu konfermati ftit wara li l-kumpanija farmaċewtika Pfizer ( tal-Istati Uniti) qalet li l-provi għall-vaċċin li qed tiżviluppa urew li hi ’90 fil-mija effettiva’ għal kontra l-virus qattiel.

Sadanittant, il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, tkellem bil-miftuħ dwar il-preferenza tiegħu għal vaċċin (ta’ kontra l-Covid-19) li qed tiżviluppa l-kumpanija AstraZeneca waqt li qal li l-Gvern tiegħu mhux se jixtri vaċċin għal kontra l-marda li jkun żviluppat miċ-Ċina.

Il-provi għall-vaċċin żviluppat minn AstraZeneca u l-Università ta’ Oxford komplew għaddejjin xi jiem wara ‘il-problemi speċifiċi’ u ladarba r-regolaturi konfermaw il-livell tas-sigurtà għall-provi.