Lokali Qorti

Ħabs għal erba’ Sudaniżi li ħarbu minn Malta moħbijin taħt trakk

Ħabs għal erba’ Sudaniżi li ħarbu minn Malta moħbijin taħt trakk abbord katamaran wara li ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom. Huma nqabdu mill-awtoritajiet Taljani u sussegwentement inġiebu lura Malta.

Abdul Halim Tajaldin Yahya ta’ 23 sena, Mohamed Atum ta’ 19-il sena, Adel Matason ta’ 21 sena u tfajjel ta’ 15-il sena ammettew li telgħu fuq il-vapur mingħajr kunsens u li naqsu li jagħtu informazzjoni lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni kif titlob il-liġi.

Il-minuri kien ikkundannat erba’ xhur priġunerija filwaqt li t-tlieta l-oħra ġew ikkundannati disa’ xhur ħabs kull wieħed mill-Maġistrat Doreen Clarke.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karl Roberts mentri għas-Sudaniżi deher l-Avukat tal-għajnuna legali Benjamin Valenzia.