Claudette Buttigieg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet li fit-tmexxija, l-mara hi bżonn mhux kapriċċ.
Meta kienet qed titkellem fil-parlament id-deputat Nazzjonalista dwar riżoluzzjoni tan-NU dwar ir-rwol tan-nisa ferħet l-Amaxxatriċi Cecilia Attard Pirotta li ntgħażlet bħala l-ewwel ambaxxatriċi ta’ Malta għall-‘Women, Peace and Security Agenda’ u lill-Ministru tal-Affarijiet Barrani Evarist Bartolo li għażel ambaxxatriċi b’esperjenza vasta, ambaxxatriċi ta’ karriera biex issa, Malta hija waħda minn xi 10 jew 11-il pajjiż li ħatru ambaxxaturi f’dan il-livell prestiġġjuz.
Hi sostniet li l-ambaxxattriċi se taħdem fuq pjan nazzjonali, in-‘National Action Plan on Women, Peace and Security’ (WPS), biex titwettaq ir-Riżoluzzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti UNSCR 1325 tal‑31 ta’ Ottubru 2000 dwar ir‑rwol importanti li għandhom in‑nisa fil‑prevenzjoni u r‑riżoluzzjoni ta’ kunflitti u tagħmel enfasi fuq il‑bżonn li jipparteċipaw b’mod sħiħ fiż‑żamma u l‑promozzjoni tal‑paċi u s‑sigurtà.
Il-WPS Agenda m’hijiex biss aġenda tal-ugwaljanza bejn is-sessi iżda hi ħafna iktar minn hekk. L-Agenda hi ħidma biex in-nisa jkunu mal-mejda tan-negozjati; ir-riċerka turi li fejn hemm in-nisa mal-mejda tan-negozjati l-paċi ddum iktar – għax in-nisa jaħsbu fil-futur ta’ wliedhom u mhux dwar x’se jieħdu huma.
Claudette Buttigieg kompliet li llum is-sigurtà m’hijiex dik biss marbuta mal-gwerer fi żmien ta’ pandemija iżda hemm is-sigurtà tas-saħħa u s-sigurtà tal-ikel.
Ir-rwol tal-mara fit-tmexxija, speċjalment fuq livell internazzjonali, huwa fundamentali għat-twttieq ta’ din ir-riżoluzzjoni. Bla dubju, in-nuqqas ta’ nisa fl-armata, mhux biss ta’ pajjiżna, qed tinħass fil-mumenti ta’ negozjati u deċiżjonijiet ta’ paċi dejjiema.
Malta hija mdawwra b’pajjiżi li għandhom realtajiet li spiss naħsbuhom ‘il bogħod mir-realtà tagħna imma dan huwa żball kbir.
Hi kompliet li l-attakki terroristiċi fi Franza u fl-Awstrija jfakkruna fil-fraġilità tas-soċjetà tagħna fejn il-mara tista’ u għandha tkun mutur ta’ bidla fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; bħal ma ddiskutejna fl-2017 fi Vjenna fil-konferenza ‘OSCE Security Policy – Female Perspectives’.
Min-naħa l-oħra l-immigrazzjoni fil-kontinent Afrikan l-oriġini tal-problemi li jwasslu għall-immigrazzjoni fosthom l-istupru ta’ nisa u tfal fil-gwerrer ‘Sexual based violence in Conflict’ li ffirmajna kontrieh ukoll f’Ġunju 2014 f’Londra.
Claudette Buttigieg sostniet li llum, f’din l-okkazjoni, infakkar li l-ugwaljanza bejn is-sessi m’hijiex kapriċċ, jew token. Aħna in-nisa ma rridux l-ugwaljanza – hekk għalina – biex ngħidu li wasalna. Irridu l-ugwaljanza ghax nemmnu li mara tista’ tagħmel differenza fiż-żamma tal-paċi, fil-ġlieda kontra l-pandemija, fl-eradikazzjoni tal- Vjolenza Domestika u dik f’kunflitt tista’ tagħmel differenza.
//= $special ?>