Futbol Sport

“Il-prijorità għada se tkun li nġibu riżultat pożittiv għal Malta”- Michael Mifsud

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Waqt li kien qiegħed jindirizza lill-midja jum qabel l-aħħar partita tiegħu bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti wara karriera ta’ aktar minn 20 sena, Michael Mifsud qal li għada l-prijorità xorta se tkun li jinkiseb riżultat pożittiv għall-pajjiżna minkejja li l-attenzjoni se tkun fuqu. Mifsud qal li wieħed mill-isbaħ mumenti tul il-karriera tiegħu mat-tim nazzjonali kien fir-rebħa lit-tim Malti kiseb kontra l-Armenja f’partita away. Mifsud temm jgħid li l-futbol Malti u speċjalment t-tim nazzjonali Malti għandu futur sabieħ b’bosta żagħażgħ promittenti.

“Ninsabu f’fażi fejn qed niżviluppaw u nikbru fil-logħob tagħna”- Davide Mazzotta, assistent kowċ tat-tim nazzjonali Malti

Fin-nuqqas tal-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia, minħabba li llum huwa l-jum li fih jintemm il-perjodu ta’ kwarantina wara li fid-29 ta’ Ottubru rriżulta pożittiv għall-coronavirus, iż-żewġ assistent kowċis Davide Mazzotta u Guillermo Giacomazzi ndirizzaw lill-midja lejliet il-partita ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein.

Davide Mazzotta qal li din il-partita minbarra li se tkun qed tonora lill-plejer internazzjonali Malti Michael Mifsud fejn se tkun l-aħħar darba li se jilbes il-flokk tat-tim Malti, se tkun qed isservi wkoll sabiex jitkompla l-proċess li bħalissa għaddej minnhu t-tim nazzjonali Malti fejn kull partita kemm dawk ta’ ħbiberija u anke dawk kompetittivi qed iservu biex it-tim ikompli jiżviluppa u jikber.

Guillermo Giacomazzi minn naħa tiegħu żied jgħid li minkejja li l-kowċ Mangia ma kienx fiżikament preżenti għas-sessjonijiet ta’ taħriġ, hu kien kontinwament f’kuntatt magħhom bħala kowċis kif ukoll mal-plejers permezz ta’ telefonati onlajn.