Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell fi Spanja tordna biex Daniż suspettat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema jiġi estradit lejn Malta

Il-Qorti tal-Appell fil-Belt Spanjola ta’ Cadiz ordnat biex it-tielet suspettat fil-qtil doppju f’Tas-Sliema jiġi estradit lejn Malta sas-26 ta’ dan ix-xahar ta’ Novembru.

Jesper Kristiansen huwa r-raġel li kien ħarab minn Malta fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu u ġie arrestat fi Spanja wara li l-Pulizija Maltija għamlet talba għalih peress li qed tqisu bħala t-tielet suspettat fil-qtil doppju f’Tas-Sliema.

Flimkien ma’ Daniel Muka u Viktor Dragomanski , Jesper Kristiansen allegatament huwa  nvolut fl-omiċidju ta’  Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski li kien seħħ it-Tlieta 18 t’Awwissu.

Kristiansen,li huwa Daniż, ħarab minn Malta b’titjira lejn Barċellona. F’ħidma konġunta mal-awtoritajiet Spanjoli, Kristiansen ġie arrestat jumejn wara li l-ġarba tiegħu fil-ġurnata tall-Ħadd wara nofsinhar f’lukanda f’Cádiz.

Kristiansen għamel żewġ appelli fil-Qorti biex ma jintbagħatx Malta, liema appelli kienu miċħuda mill-ġudikatura Spanjola.  Cádiz hija belt fir-reġjun ta’ Andalusia fin-nofsinhar ta’ Spanja, ftit ‘l bogħod mill-Marokk.

Wara li wasal Barċellona, d-Daniż vjaġġa aktar minn 900 kilometru biex wasal  Cádiz. Il-biża għall-Pulizija Maltija kienet li huwa jaħrab lejn il-Marokk fejn biex jinġieb Malta kien ikun ferm aktar diffiċli. L-involviment tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol għenu mhux ftit biex huwa jinqabad fi Spanja.

Kristiansen mistenni jasal Malta lejn l-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla u jibda jaffaċċja proċeduri fil-Qorti Maltija sabiex imbagħad l-investigaturi Maltin mistennija jessquh l-Qorti.

Minn informazzjoni li għandu NET News, il-proċess biex mal-wasla tiegħu f’Malta huwa jiġi nterrogat u sussegwentement jitressaq il-Qorti, diġa’ beda jitħejja mill-Pulizija li nvestigaw il-każ.

F’Malta, diġa bdew il-proċeduri kontra Daniel Muka mill-Albanija u Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq. Huma jinsabu akkużati bi qtil doppju u li serqu deheb.  Illum se tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfont ta’ Dragomanski quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud filwaqt li l-kumpilazzjoni ta’ Muka qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.