Lokali Parlament

Importanti jkun stabbilit min qed jagħmel investiment f’aspetti kruċjali ta’ pajjiżi oħra

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis tkellem fil-parlament dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju għall-Iskrinjar Nazzjonali u qal li mhux il-pajjiżi kollha qed jaġixxu u jikkomportaw ruħhom kif suppost u jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn pajjiżi li ma jnux il-prinċipji tal-UE jistgħu jagħmlu investimenti f’oqsma strateġiċi u jikundizzjonaw l-aġir ta’ dawn il-pajjiżi.

Hu semma’ l-Greċja u qal li minħabba nuqqas kbir ta’ finanzi dawn spiċċaw biegħu l-assi strateġiċi tagħhom lil pajjiżi barranin bil-konsegwenza li dawn il-pajjiżi llum jistgħu jikkundizzjonaw is-sigurtà tal-Greċja. Kien hemm pajjiżi li krew u biegħu pipeline tal-gass lil pajjiżi barranin biex dawn issa jistgħu jeżerċitaw kontroll assolut fuq il-pajjiżi l-oħra.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hu importanti li l-pajjiżi membri tal-UE ma jitilfux il-viżjoni li s-sigurtà tal-pajjiżi membri ma tkunx imxekkla minn dawn l-investimenti. Id-deċiżjoni aħħarija dwar l-investiment barrani dejjem se titħalla f’idejn l-istati membri tal-UE għaliex l-UE m’hix stat federali. Għalhekk kollox jiddependi fuq dak li l-pajjiżi jaqblu flimkien.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-kontroversja dwar in-network tal-5G fejn hemm oppożizzjoni biex il-kumpanija Ċiniża Huawie titħalla tinstalla din it-teknoloġija fin-networks ta’ pajjiżi varji Ewropej.

L-iskop ta’ dan ir-regolament hu propju biex qabel isiru investimenti li jeffettwaw oqsma kritiċi tal-pajjiż, isir screening tal-pajjiż biex ikun stabbilit min qed iwettaq l-investiment b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi membri tal-UE. Importanti li setturi kruċjali ma jitħallewx jaqgħu f’idejn pajjiżi ostili.

Joe Ellis kompla li l-kwalità ta’ ħajja hu riżultat tal-investiment dirett barrani.