Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat fuq kompliċità ta’ ħruq ta’ vann

Carmelo Borg ta’ 62 sena mill-Imsida ma ngħatax il-libertà proviżorja wara li wara li ġie mixli b’kompliċità fil-ħruq ta’ vann tal-għamla Dodge f’Ħaż-Żebbuġ. Huwa ġie mixli wkoll li rrenda ruħu kompliċi fir-reat ta’ ħsara volontarja fuq l-istess vann, liema ħsara taqbeż il-€250.

Il-każ seħħ fl-1 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tas-2.30 a.m. meta l-Pulizija kienet infurmata li kien hemm vann jaqbad fi Triq it-Troll, Ħaż-Żebbuġ. Dakinhar, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu kkontrollaw in-nirien.

Borg, li qal li huwa ħaddiem mal-Gvern, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ li jiġu kkontaminati l-provi u minħabba l-fatt li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu fosthom il-vittmi.

L-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras qalu lill-Maġistrat Doreen Clarke kif minn filmati tas-CCTV, Borg jidher iwassal persuna fuq il-post fejn seħħ il-każ u din il-persuna tidher tinżel mill-karozza u tqabbad il-vann.

L-Ispettur Scicluna qal li għada għaddejja nvestigazzjoni fuq min ħaraq il-vann. Qal li l-akkużat baqa’ jgħidilhom li ma jafx min hu.

Huwa impossibbli li ma jafx. Il-vann li nħaraq kien proprjetà tiegħu stess u għadu reġistrat fuqu, kompla l-Ispettur Scicluna. Dwar il-pleġġ qal ukoll li l-oġġezzjoni qed issir ukoll minħabba l-gravità tal-każ.

Tenna li azzjonijiet bħal dawn qed joħolqu biża’ fost in-nies u dan qed jiġi trattat bħala reat gravissimu. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha dwar il-libertà proviżorja qalet li minħabba l-karattru imħawwad tal-akkużat kif jidher mill-kondotta tiegħu, u anke fuq il-fatt li l-investigazzjoni għadha għaddejja, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat. L-Avukat Martin Fenech deher għal Carmelo Borg.