Coronavirus Lokali Saħħa

Kundanna mit-tobba għall-attività ta’ ‘Christmas in the City’

"Il-Covid-19 mhux se joqtol il-Milied, iżda se joqtol ħafna Maltin vulnerabbli oħra" - MAM

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħarġet kundanna ħarxa dwar id-deċiżjoni li ssir l-attività Christmas in the City fil-Belt Valletta għal żmien il-Milied.

Il-union kienet kritika tal-attitudni tal-Prim Ministru u tal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli “li injoraw pariri xjentifiċi u jilagħbuha tal-populisti f’nofs imxija… filwaqt li l-mewt u l-infezzjonijiet tal-Covid qed jilħqu rekords ġodda.”

“Filwaqt li tobba u ħaddiema oħra fis-settur tas-saħħa jissograw ħajjithom kuljum, il-Prim ministru eskluda kull forma ta’ lockdown, filwaqt li l-Ministru Julia Farrugia Portelli daħħlet mekkaniżmi ġodda biex titlob lill-Maltin kollha jinjoraw il-pariri tal-Ministru għas-Saħħa u ta’ Prof. Gauci u joħorġu u jiddevertu fi żmien il-Milied.”

Fi stqarrija, il-union tat-tobba qalet li jidher li għal Farrugia Portelli, l-attivitajiet tal-massa ta’ Lulju kienu test, u li l-Milied se jkun iċ-ċans li xxerred pandemija mingħajr preċedent. Żiedet li ma kinitx sorpriża li l-infurzar “falz” tneħħa mill-pulizija u mar taħtha.

L-Assoċjazzjoni fakkret li l-ammont ta’ każi ġodda u ta’ mwiet mill-Covid-19 qed jiżdied, bi 80 każi serji biss fl-Isptar Mater Dei, li minnhom 12 kellhom bżonn kura intensiva. Skont l-aħħar aġġornamenti, Malta qed ikollha medja ta’ 137 każ ġdid kuljum, u peress li r-rata tal-imwiet hi madwar 1.5%, 35 mewt oħra mistennija tiġi mħabbra sal-aħħar tax-xahar.

Il-MAM għalqet billi tenniet li dan l-aġir hu irresponsabbli ferm, u jpoġġi l-ħajja ta’ ħafna pazjenti u ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa f’riskju mhux neċessarju. Huma tennew li “l-Covid-19 mhux se joqtol il-Milied, iżda se joqtol ħafna Maltin vulnerabbli oħra.”