Lokali Qorti

Libjan mixli li kellu l-ecstasy mhux għal użu personali

Libjan ta’ 25 sena residenti Tas-Sliema ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li kellu fil-pussess tiegħu d-droga ecstacy, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Abdulrahman Mustafa Elhasuni ġie mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn distanza ta’ skola, klabb jew ċentru fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab li jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu.

Id-difiża qalet li l-klijent tagħhom kien arrestat fit-23 ta’ Settembru li għadda, ġie rilaxxat bil-police bail u dejjem qagħad mat-talbiet li sarulu mill-Puliizja. Barra minn hekk, qalu li l-imputat ilu diversi snin jgħix Malta u m’hemmx biża’ li jaħrab.

Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Elhasuni taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma l-għassa kuljum, u jpoġġi depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Grech. L-Avukati Vincent Micallef, Stephanie Abela u Jacob Portelli dehru għall-imputat.

—