Lokali Parlament

Malta għandha tattira investiment leġittimu ta’ valur ogħli

Caudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-piorità fl-investiment rid tkun li Malta tattira investiment ta’ l-ogħla livell, bi strateġija komuni u maqbula fl-istess waqt li tkun restawrata r-reputazzjoni tal-pajjiż.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibatttu dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar Screeing Nazzjonali tal-Investiment Dirett Barrani, Claudio Grech tkellem dwar l-investiment leġittimu li jiġi minn barra; irrispettivament jekk l-iscreening ikunx obbligatorju skont liġijiet Ewropej. Dan għaliex, l-iscreening hu kruċjali biex lejn il-pajjiż jinġieb investiment leġittimu biex ma jkunx hemm abbużi.

Hu kompla li l-interessi globali jistgħu jkunu interessi li mhux neċessarjament ikunu leġittimi; l-UE trid tassigura li jekk hemm investiment barrani isir l-analiżi meħtieġ dwar min hemm wara l-investiment.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ma jistax ikun li s-settur tas-saħħa jkun kontrollat minn persuni li l-pajjiż m’għandux fiduċja fihom. Hu semma’ l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet lil kumpanija li fiha l-UBO ma kinitx persuna legali reġistratata fl-UE iżda lanqas biss kienu stabbiliti.

Claudio Grech tkellem dwar il-kwalitajiet tal-investiment u qal li l-investiment dirett barrani kien tpoġġa fiċ-ċentru tal-investiment fosthom l-avjazzjoni, il-manifattura fuq bażi avvanzata, il-gaming u l-investiment diġitali. Jeħtieġ issa li l-pajjiż iħares b’viżjoni oħra b’focus fuq ir-reputazzjoni tal-pajjiż biex din tissewwa; dan hux impossibbli li jsir jekk ikun hemm rieda tajba bl-aspetti leġislattivi fejn il-pajjiż ikun miftuħ għall-investiment leġittimu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pajjiż għandu jifforma strateġija dwar kif jattira investiment barrani għaliex din ma tinkisibx bi ħsieb fuq medda ta’ leġiżlatura għaliex settur partikolari jieħu iktar minn leġiżlatura waħda biex ikun żviluppat.

Gvern Nazzjonalista kien jinvolvi lill-Oppożizzjoni Laburista f’kumitati tekniċi; dan kien mekkaniżmu li wassal għal ċertu element ta’ suċċess. L-ebda naħa m’għandha monopolju għall-ideat, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li hemm numru ta’ setturi li dwarhom il-pajjiż għandu jkollu politika komuni; għalhekk iridu jkunu stabbiliti s-setturi li l-aktar jagħtu valur. Din hi ekonomija li fuqha se jiddependi l-futur tal-pajjiż, sostna Claudio Grech.