Coronavirus Lokali Saħħa

“Naħdmu flimkien biex l-ekonomija tirpilja” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista bi żjara fil-lukanda Excelsior biex iħoss il-polz tal-ħaddiema

“L-iktar ħaġa li nieħdu pjaċir biha huwa li jkun hawn is-saħħa, ikun hawn ekonomija b’saħħitha u jkun hawn il-ġid, ħalli nerġgħu mmorru lura għall-ħajja normali filwaqt li l-ekonomija terġa’ tirpilja. B’ekonomija b’saħħitha jgawdi kulħadd imma fl-istess ħin ma nistgħux qatt liż-żgħir, dak li għandu bżonn l-imbuttatura biex jimxi ’l-quddiem.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, fi tmiem żjara li għamel fil-lukanda Excelsior; l-ewwel minn sensiela ta’ żjarat li se jkun qed jagħmel qalb il-ħaddiema fl-industrija turistika ħalli jħoss il-polz tal-impjegati u l-imprenditur fl-eqqel ta’ din il-pandemija.

Ritratt: Matthew Tabone

“Mhuwiex sabiħ li tisma’ b’ħaddiema li qed jaħdmu ġimgħa inqas. Dak ifisser li għandek kwart tal-paga tiegħek imneħija izda rridu nifhmu li kulħadd qiegħed fl-istess dgħajsa u kulħadd qiegħed ibati.”

Bernard Grech saħaq li huwa ta’ dieqa li lukanda ta’ kwalità bħall-Excelsior hija vojta meta s-soltu tkun imfawwra bil-klijenti. Għalhekk il-ħtieġa li l-Gvern imur oltre mill-vouchers u s-suppliment tal-paga, li minkejja għenu mhux ftit f’din il-kriżi, mhumiex biżżejjed biex is-settur turistiku jirriġenera ruħu wara l-pandemija.

Ritratt: Matthew Tabone

“Is-sejħa tagħna bħala Oppożizzjoni hija biex il-Gvern ipoġġi magħna, ipoġġi ukoll ma’ min imexxi dawn il-lukandi biex jara mezzi oħrajn, kif anki llum jista’ jitħajjar aktar it-turisti Malti biex jiġi f’dawn il-lukandi ħalli jkun jista’ jistrieħ kif ukoll jgħix u jaħdem ħaddieħor.”

Bernard Grech, li kien akkumpanjat mill-Viċi Kap u Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Robert Arrigo, kif ukoll mill-kandidati Mark Anthony Sammut u Graziella Attard Previ, intlaqa’ fir-reception tal-lukanda mid-Direttur Maniġerjali, Norbert Grixti, flimkien mat-tmexxija biex iddawwar madwar diversi swali, kmamar, il-kċejjen, kif ukoll l-uffiċjini fejn raha mill-viċin ħidmet l-impjegati filwaqt li sema’ dak li kellhom xi jgħidu.

Ritratt: Matthew Tabone

F’kummenti li ta lill-media, Norbert Grixti, wera t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni mwiegħra li għaddejja minnha l-industrija turistika bħalissa.

“In-nies fl-industrija tagħna qed ibatu ħafna. Ħafna staff qed jaħdmu ġimgħa mnaqqsa. Jieħdu lura d-dar inqas paga milli għandhom. (…) Qed nipprovaw inkampaw kemm jista’ jkun b’mod pożittiv u għażilna li nżommu l-lukanda miftuħa għax jekk tagħlaq, awtomatikament titlef din l-isfida. (…) L-industrija tagħna għandha għeruq sodi ħafna u jiena nemmen li appena dan il-vaċċin jibda jaħdem, ma ndumux ħafna ma nerġgħu nirkupraw. (…) Issa huwa kruċjali li meta nerġgħu nibdew, nibdew b’saħħitna u nerġgħu nirkupraw għal dak li konna qabel.”

Ritratt: Matthew Tabone

Intant, meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-media b’rabta mad-deputat Jason Azzopardi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li fuq il-governanza tajba, issa wera kif mill-kliem għadda għall-fatti hekk kif se jkunu l-organi tal-Partit li jiddeċiedu l-eżitu tas-sitwazzjoni li żviluppat fl-aħħar jiem u għal dan il-perjodu, Jason Azzopardi ssospenda ruħu mill-grupp parlamentari.

Fl-istess waqt, talab lil kull membru tal-istess Grupp Parlamentari Nazzjonalista sabiex jinfurmawh jekk qattx irċievew xi rigali jew favuri li potenzjonalment jistgħu qatt xi darba jkunu ta’ xkiel f’ħidmiethom ħalli ħadd ma jkun irrikattat.

Ritratt: Matthew Tabone