Is-setturi tat-turiżmu u tas-saħħa huma żewġ oqsma li l-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu u jrid li jibqa’ jħares u dawn ingħataw attenzjoni kbira u partikolari. Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għal settur turistiku b’saħħtu u ta’ pajjiż u poplu aktar b’saħħtu, għalhekk Nissaħħu Flimkien għax inkunu b’saħħitna f’mument fejn id-dinja qed taffaċċja kriżi tas-saħħa. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-PN dwar it-12-il pilastru tal-vizjoni politika għal pajjiżna.
Il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo qal li s-settur tal-ospitalita’ f’pajjiżna issa ilu disa’ xhur li spiċċa għarkubtejh minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u meta dan is-settur tat-turiżmu huwa pilastru għall-ekonomija ta’ pajjiżna, din is-sitwazzjoni ħalliet impatt ferm negattiv fuq l-għixien tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Huwa qal li huwa importanti li nieħdu ħsieb is-saħħa tal-poplu għax mingħajr poplu b’saħħtu ma jistax ikollna ekonomija b’saħħitha u ma nkunux nistgħu nimxu ‘l quddiem. Robert Arrigo qal li l-PN ta’ sehemu f’dan iż-żmien diffiċli bl-ammont kbir ta’ proposti konkreti li ressaq, u reġa’ stieden lill-Gvern biex min idaħħal nies ġodda jew replacements fl-istess kumpanija jkun eleġibbli għal għajnuna. Pajjiżna jeħtieġ li jkollu pjan fit-tul għas-settur tat-turiżmu, pjan b’intelliġenza u wara diskussjoni ma’ kulħadd biex ikollna prodott aħjar.
Dan anke b’referenza għal dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta dalgħodu żar il-lukanda Excelsior u saħaq li huwa ta’ dieqa li lukandi ta’ kwalità huma vojta meta ssoltu jkunu mfawwra bil-klijenti. Għalhekk il-ħtieġa li l-Gvern imur oltre’ mill-vouchers u s-suppliment tal-paga, li minkejja għenu mhux ftit f’din il-kriżi, m’humiex biżżejjed biex is-settur turistiku jirriġenera ruħu wara l-pandemija. Kien għalhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sejjaħ lill-Gvern biex ipoġġi madwar il-mejda mal-Oppożizzjoni, jpoġġi wkoll ma’ min imexxi l-lukandi biex jara mezzi oħrajn, kif jista’ jitħajjar aktar it-turist Malti biex jiġi f’dawn il-lukandi ħalli jkun jista’ jistrieħ u kif ukoll jgħix u jaħdem ħaddieħor.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri qal li llum għandna quddiemna sfida kbir bl-imxija tal-COVID-19 li qed tohloq sfidijiet kbar bit-tixrid fil-komunita’ u pressjoni kbira fuq is-sistema tas-saħħa, li jekk mhux se nindirizzaw kif suppost se jirrizulta f’kollass tas-sistema tas-saħħa. Huwa qal li s-saħħa għandha dejjem tkun prijorita’ fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu, partikolarment meta hawn persuni vulnerabbli li qed jiddependu mid-deċiżjonijiet għal saħħithom. Is-Supretendent tas-Saħħa għandha titħalla tiddeċiedi hi u tkun mgħejjuna mill-esperti f’kumitat li jagħti l-pariri biex jinstabu s-soluzzjonijiet. Stephen Spiteri qal li għaldaqstant jeħtieġ li r-riżorsi li għandna jintużaw bl-aħjar mod, b’iżjed rapid testing, loġistika aħjar u iżjed investimenti biex innaqqsu n-numri u terġa’ tonqos il-pressjoni preżenti fuq l-isptar u l-frontliners.
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti Maria Deguara qalet li fil-pandemija l-iżjed li ntlaqtu ħażin kienu l-anzjani u l-persuni b’diżabbilta’ u li l-parti l-kbira ta’ dawk rikoverati fl-isptar u dawk li sfortunatament tilfu ħajjithom kienu anzjani. Hija qalet li hu d-dover ta’ kulħadd li nħarsu s-saħħa ta’ xulxin speċjalment l-iktar vulnerabbli u sakemm jasal il-vaċċin nieħdu ħsieb li nikkontrollaw l-imxija tal-virus. Maria Deguara qalet li l-Gvern mhux qed jirrealizza s-serjeta’ tas-sitwazzjoni u qed ikompli jpoġġi l-ekonomija qabel is-saħħa tan-nies u minħabba nuqqas ta’ infurzar effettiv rajna d-diffikultajiet fil-qasam tas-saħħa jerġgħu jiżdiedu, u n-numru tal-persuni infettati u l-imwiet jiżdiedu wkoll. Filwaqt li huwa importanti li l-Gvern jgħin l-ekonomija, l-Gvern mhux jilqa’ s-suġġerimenti tal-esperti tas-saħħa u mhux jinforza bis-serjeta’.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali, Ħarsien tal-Persuni b’Mod Sħiħ, Kura fil-Komunità, Dimensja, l-Ġlieda Kontra d-Diabete, u Drittijiet tal-Annimali Mario Galea qal li l-isptar Mater Dei jinsab iffullat u mhux qed ilaħħaq, u din s-sitwazzjoni hija tort ta’ Robert Abela li jmur kontra l-pariri tal-esperti. Huwa qal li Robert Abela mhux qed iħoss ir-realtajiet tan-nies, partikolarment meta qalilna li l-pandemija hija taħt kontroll meta dan mhux minnu. Dan meta hemm professjonisti li ilhom xhur jorqdu erba’ sigħat kuljum għax ma jistgħux ilaħqu u l-ITU tinsab mimlija u numru ta’ operazzjonijiet kuljum qed jiġi kkanċellati. Mario Galea staqsa għaliex jekk skont Robert Abela għadna l-aħjar Ministru għas-Saħħa mhux qed jisma’ minnu. Għaliex mhux qed isegwi l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
//= $special ?>