Ambjent Lokali Xjenza u Teknoloġija

“Nixtieq nara pajjiż sabiħ minn kull aspett” – Bernard Grech

L-importanza tad-djalogu mal-korpi kostitwiti elenkata f’laqgħa mal-Kamra tal-Periti biex mal-PN iħejju viżjoni għal pajjizna, anki fl-estetika ta' gżiritna

“Nixtieq li nara pajjiż sabiħ f’kull aspett u llum in-nies jixtiequ u għatxana li jaraw l-affarijiet uniti u attraenti. Għalhekk ukoll l-irwol tal-periti huwa wieħed importanti ħafna sabiex flimkien naraw x’wirt se nħallu għal min ġej warajna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Kamra tal-Periti.

Bernard Grech qal li lkoll għandna r-responsabbilta’ li ma nħarsux biss lejn l-immedjat imma li naħsbu wkoll x’se nkunu qegħdin inħallu warajna għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali sabiex jisma’ l-opinjonijiet tagħhom u npoġġu flimkien u nibnu l-viżjoni għal Malta u Għawdex aħjar. Bil-viżjoni għal pajjiżna bit-12-il pilastru, l-PN qed jagħti importanza kbira lill-viżjoni soċjo-ekonomika li tinbena fuq it-tisħiħ tal-ambjent tagħna, dak urban, naturali, personali u anke dak rurali.

Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker qalet li din is-sena l-Kamra qed tagħlaq 100 sena mit-twaqqif tagħha u tkellmet dwar l-Att li jirregola l-professjoni tal-periti u l-Kamra tal-Periti, l-irwol tagħha li tkun għassiesa fuq il-professjoni, interlokutur bejn il-professjoni u l-Istat kif ukoll tikkorrispondi u tikkonsulta mal-Gvern fuq din l-industrija. Dan l-Att jinsab fit-tieni qari fil-Parlament. Hija għamlet referenza għall-importanza tal-estetika u kif fl-2017, il-Kamra tal-Periti ppubblikat dokument dwar dan bil-viżjoni tagħha għall-futur. Saret referenza għall-pandemija, kif din laqtet lil kulħadd, u li għall-periti ma kienx hemm għajnuniet u dan b’impatt fuq il-ħaddiema tagħhom.

Matul il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ġie ppreżentat b’kopja ta’ dokument A Modern Building and Construction Regulation Framework bi proposti fuq għaxar ħtiġijiet partikolari li l-Kamra tal-Periti tqis li għandhom iwasslu għal bini sabiħ, li jaħdem tajjeb u ta’ kwalita’.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar u l-membru tal-Forum Professjonisti PN (FPPN) Denise Ellul Martin. Id-delegazzjoni tal-Kamra tal-Periti kienet immexija mill-President Simone Vella Lenicker.