Coronavirus Lokali Saħħa

“Nuqqas ta’ rispett lejn il-frontliners” – L-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali

“Wara ftit jiem li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ġie rrapurtat li qal li qed nistennew li n-numri ta’ każijiet pożittivi se jiżdiedu fi żmien li ġej, il- Ministru tat-Turiżmu tinforma lill-pubbliku li ser tibda l-attività Christmas in the City. Dan juri biċ-ċar li minflok qegħdin niġbdu ħabel wieħed sabiex nikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19, kull entità qegħda tiġbed ħabel għaliha.”

Hekk qalet permezz ta’ post fuq Facebook l-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali fejn ikkundannat id-deċizzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar siegħat. Huma taw dawn ir-raġunijijet għaliex qed jikkundannaw dan:

  • Nuqqas ta’ rispett lejn il-frontliners kollha li ilhom kważi 8 xhur jaħdmu bla waqfien fil-ġlieda kontra l-Covid-19
  • Nuqqas ta’ rispett għan-nies kollha li qegħdin fi kwarantina obbligatorja
  • Nuqqas ta’ rispett lejn in-nies kollha li tilfu xi qarib/a tagħhom minħabba l-Covid-19
  • Nuqqas ta’ rispett lejn in-nies kollha li huma vulnerabbli flimkien ma l-anzjani li jinstabu maqfula ġo djar tal-anzjani bil-limitazzjonijiet imposti fuq in-numru ta’ visti mill-familjari taghhom
  • Nuqqas ta’ rispett lejn l-istabbilimenti kollha li kellhom jagħlqu minħabba l-liġijiet li nħarġu riċenti u li qed jiġu nfurzarti. Ma jistax ikun li nibqgħu nieħdu din il-pandemija b’ din il-leġġerezza. Aħna nifhmu li l-ħajja trid tibqa għaddejja u irridu nitgħallmu ngħixu bil-Covid-19 magħna, imma naħsbu li huwa prematur biex dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet jibdew jidħlu fis-seħħ.

Huma qalu li bħala Assoċjazzjoni kitbu biex l- istabbilmenti jinfethu bil-mod ‘l mod u biex l-attivitajiet tal-massa ma jsirux

“Aħna ġejna injorati u l-pajjiż kollu spiċċa ħa daqqa kerha għax in-numri ta’ każijiet żdiedu u anke ġew affetwtati in-negozji”.

L-Assoċjazzjoni qalet li bħal kulħadd, il-frontliners huma umani u jixtiequ li ikunu jistgħu jgawdu l-festi tal-Milied mal-familjari tagħhom.

L-istqarrija għalqet billi qalet li bħalissa hemm elfejn każ attiv fejn fosthom hemm numru ta’ nies li qegħdin fl-isptarijiet u tenniet li is-saħħa tal-bniedem għanda tieħu prijorità assoluta.