Internazzjonali

Stati Uniti: Donald Trump jirrifjuta li jammetti t-telfa fost l-akkużi kontinwi dwar ‘elezzjoni mbagħbsa’

Ritratt AP News

Il-President Amerikan, Donald Trump, qed jirrifjuta li jammetti li tilef kontra Joe Biden fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Dan filwaqt li Trump qed ikompli jinsisti – mingħajr ma jressaq il-provi ċari – li l-elezzjoni kienet suġġetta għal aġir illegali, manipulazzjoni tas-sistema u ‘frodi waqt il-votazzjoni’.

Sadanittant, l-ogħla Uffiċjali tal-Partit Repubblikan qegħdin jappoġġjaw lil Trump f’din il-pożizzjoni. Fil-fatt, ir-Repubblikan ewlieni Mitch McConnell, il-Kap tal-Maġġoranza fis-Senat Amerikan, qed jinsisti li l-President Trump għandu kull dritt li jippersisti bl-isfidi legali fil-konfront tar-riżultat elettorali.

Dan meta numru kbir ta’ partitarji Repubblikani li wieġbu għall-intervisti qalu li huma ‘ferm imħassbin dwar il-possibbiltà ta’ frodi (fl-elezzjoni).’

Is-sitwazzjoni, intant, kapaċi twassal għal forma ta’ ‘paraliżi legali’ wara l-indikazzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa li Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku, rebaħ l-elezzjoni tal-ġimgħa li għaddiet li kienet l-aktar waħda diviżiva għal snin fl-Istati Uniti.

Minkejja s-sinjali li Joe Biden irnexxielu jikseb vantaġġ ‘insuperabbli’ fuq Trump, il-President Repubblikan mhux lest biex iwarrab – u meta Biden qed ifassal u jimplimenta l-pjani tiegħu għall-amministrazzjoni ġdida, f’din il-fażi ta’ tranżizzjoni.  Fl-istess ħin, Biden wiegħed biex jintroduċi ‘l-aktar kabinett (Amerikan) li se jkun mibni fuq id-diversità fl-istorja’.

Madankollu, id-Dipartment tal-Ġustizzja fl-Istati Uniti ta permess ‘straordinarju’ lill-prosekuturi federali biex jinvestigaw l-allegati irregolaritajiet fil-proċess tal-vot għall-Presidenza Amerikana.

Dan l-iżvilupp, fil-fatt, qawwa l-qalb ta’ diversi Repubblikani li ‘kollox jista’ għadu mhux mitluf għalihom’ — għalkemm is-sitwazzjoni għandha sservi l-aktar biex tnissel element ġdid ta’ tensjoni u inċertezza fil-pajjiż.

Fl-istess ħin, għad iridu joħorġu r-riżultati tal-elezzjoni mill-Istati ta’ Georgia, Arizona, North Carolina u l-Alaska.