Internazzjonali

Wara l-elezzjoni fl-Istati Uniti: Jirriżenja avukat ewlieni minħabba l-investigazzjoni dwar allegati irregolaritajiet

L-Avukat Ġeneral William Barr (Xellug)

Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, William Barr, biex jippermetti ħalli l-prosekuturi federali jinvestigaw l-allegati irregolaritajiet fl-elezzjoni għall-Presidenza wasslet għar-riżenja ta’ avukat ewlieni mad-Dipartiment Amerikan għall-Ġustizzja.

L-avukat inkwistjoni, Richard Pilger, kellu jissorvelja l-investigazzjonijiet inkwistjoni u filwaqt li każi bħal dawn, is-soltu, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati (Amerikani) individwali, William Barr qal li r-regoli assoċjati mas-sitwazzjoni attwali ‘mgħandhomx japplikaw b’mod riġidu jew inflessibbli’.

Is-sitwazzjoni  mistennija ġġebbed fit-tul minħabba li l-President Amerikan Donald Trump ma jridx iwarrab mill-White House. Wara l-aħbar tat-telfa fl-elezzjoni Presidenzjali tal-ġimgħa l-oħra, baqa’ ma hemmx ħjiel li Trump jista’ qed iħejji għal xi ‘acceptance speech’ biex jirrikonoxxi telfa elettorali.

Fil-fatt, l-uffiċjali nkarigati mill-kampanja elettorali ta’ Trump qegħdin jippruvaw għal proċess ġudizzjarju ta’ emerġenza f’Pennsylvania li, fost oħrajn, iwaqqaf il-konferma uffiċjali tar-rebħa ta’ Biden fl-istess Stat.

Ir-rebħa indikata ta’ Biden f’Pennsylvania tħabbret nhar is-Sibt u fejn hu, permezz tagħha, qabeż it-threshold ta’ 270 vot mill-Kulleġġ Elettorali li kien jeħtieġ biex jaċċerta minn trijonf fuq bażi nazzjonali.

Sadanittant, il-kelliema ewlenija għal Donald Trump għamlitha ċara li ‘għadha qed tibda’ il-battalja legali biex ir-Repubblikani jikkuntestaw ir-rebħa ta’ Biden. Fil-fatt, Kayleigh McEnany, is-Segretarju għall-Istampa tal-White House, enfasizzat li ‘l-elezzjoni għadha ‘il bogħod milli mitmuma’.

Min-naħa tiegħu, William Barr kiteb li l-investigazzjonijiet jistgħu jsiru mill-prosekuturi federali ‘f’każ ta’ allegazzjonijiet ċari u kredibbli dwar irregolaritajiet li – f’każ li huma minnhom – kellhom il-potenzjal li jaffettwaw ir-riżultat ta’ elezzjoni federali fi Stat individwali’.