Lokali Qorti

Żewġ Maltin jitressqu l-Qorti wara talba mill-Italja għall-estradizzjoni fuq traffikar ta’ droga

Żewġt irġiel Maltin imfittxija mill-awtoritajiet Taljani fuq traffikar tad-droga u li għalihom saret talba għall-estradizzjoni tressqu l-Qorti separatament fejn bdew proċeduri ta’ estradizzjoni kontrihom.

L-ewwel tressaq Michael Aquilina ta’ 47 sena mill-Mosta, li qed jikkontesta l-mandat ta’ arrest Ewropew iżda xorta waħda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għal libertà proviżorja.

Warajh tressaq Gordon Schembri ta’ 34 sena mill-Floriana, fejn talab għal-libertà proviżorja bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li r-raġel huwa maħrub mill-Italja u li ma kienx qed jiffirma l-għassa b’mod regolari.

Madankollu l-Avukati ta’ Schembri qalu li l-klijent tagħhom għandu żewġ kumpilazzjonijiet pendenti kontrih li jridu jinstemgħu hawn Malta u saħqu li “għalhekk l-verità hi li mandat ta’ arrest Ewropew mhux kemm jaqbad u jiġi deċiż u Schembri jintbagħat lejn l-Italja,” saħqu l-Avukati ta’ Schembri.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €12,000.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Mark Galea mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u mill-Avukat Maria Baldacchino mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Alexander Scerri Herrera deher għal Aquilina mentri l-Avukati Kathleen Grima u Stephen Tonna Lowell dehru għal Schembri.