Lokali Parlament

2,977 deċiżjoni fejn it-talba għall-protezzjoni internazzjonali ġiet irrifjutata

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li mill-2013 sal-aħħar ta’ Awwissu kien hemm 2,977 deċiżjoni fejn it-talba għall-protezzjoni internazzjonali ġiet irrifjutata.

Kien id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal- Liġi kemm kien hawn immigranti rregolari jgħixu f’Malta mill-2013, kemm minnhom ġew irrifjutati l-ażil u kemm minnhom ġew ripatrijati.

Il-Ministru Byron Camilleri wieġeb li mill-2013 sal-aħħar ta’ Awwissu kien hemm 2,977 deċiżjoni fejn it-talba għall-protezzjoni internazzjonali ġiet irrifjutata.

Minn dawn 1,255 talba kienu inammissibbli għax l-applikanti diġà kellhom protezzjoni internazzjonali minn stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Hu qal li hu diffiċli tingħata ċifra eżatta ta’ kemm minn dawn il-persuni jkunu għandhom jgħixu Malta minħabba movimenti bejn stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Dwar ripatrijazzjoni ta’ immigranti il-Ministru Camileri qal li mis-sena 2013 kien hemm 273 immigrant li ġew Malta bil-baħar u li kienu ripatrijati. Fl-istess perjodu kien hemm 1,274 li ġew rilokati lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.