Sport Sport Ieħor

Alex Dowsett b’attentat fuq rekord tad-dinja fit-12 ta’ Diċembru

(Ritratt; EPA)

Il-Britanniku Alex Dowsett ser jipprova jikser ir-rekord tad-dinja taċ-ċikliżmu fit-12 ta’ Diċembru.

Dowsett, li fil-103 edizzjoni tal-Giro d’Italja kien rebaħ l-14-il stadju fil-prova kontra l-ħin fuq medda ta’ 34 kilometru, se jiprova jikser ir-rekord dinji fil-velodromu ta’ Manchester.

F’Mejju tal-2015, Alex Dowsett kien irnexxielu jikser ir-rekord, liema rekord gawda biss għal 36 ġurnata meta Bradley Wiggins kien wettaq distanza aħjar.

Ir-rekord tad-dinja li jinħadem fuq siegħa kontinwa f’velodromu hija f’idejn il-Belġjan Victor Campenaerts li fis-16 ta’ April 2019 fil-Messiku kien għamel 55.039 kilometri b’densita’ tal-arja mnaqqsa fejn għal kuntrarju f’Manchester il-kundizzjoni tal-arja ser tkun għal kollox differenti.

Minn dakinhar kien hemm żewġ tentattivi fl-2019 minn Martin Toft Madsen u minn Matthias Norsgaard it-tnejn mid-Danimarka u l-aħħar tentattiv kien fit-23 ta’ Ottubru li għadda minn Lionel Sanders tal-Kanada.