Lokali

Festival tal-ktieb fuq pjattaforma online

Fetaħ uffiċjalment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li qed isir għall-ewwel darba kollu online.

Kif jiġri kull sena, il-Festival fetah biċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ – serata li ġiet irrekordjata, mingħajr nies f’Dar il-Mediterran; l-istess post minn fejn bosta mill-attivitajiet tal-Festival ta’ dis-sena se jkunu qed jixxandru.

Fil-kumment tiegħu… il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, irringrazzja lill-pubbliku tal-interess tiegħu fil-Festival minkejja ċ-ċirkostanzi differenti li fihom qed isir.

Camilleri feraħ lir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka, u qal li l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka huma xhieda tal-aħjar kotba ppubblikati lokalment.

Camilleri għadda messaġġ lill-pubblikaturi biex ma jaqtgħux qalbhom f’dan iż-żmien, u qal li l-ktieb xorta jibqa’ għodda ewlenija għall-iżvilupp intellettwali u kulturali tal-pajjiż.

B’kollox kien hemm sitt unuri tal-Premju Terramaxka li ngħataw f’żewġ kategoriji ta’ kotba oriġinali għal tfal sa 7 snin u bejn 8 u 12-il sena, tliet rebbieħa oħra għal tliet kategoriji ta’ kotba maqlubin għall-Malti għal tfal u premju għall-pubblikatur bl-aħjar produzzjoni ta’ ktieb bl-isbaħ dehra.