Lokali

Nissaħħu Flimkien: Il-PN bi 12-il pilastru biex nibdlu u nsaħħu lil pajjiżna

Flimkien nistgħu nibdlu lil pajjiżna u jkollna futur aħjar

“Bit-12-il pilastru tal-viżjoni politika tiegħu, l-Partit Nazzjonalista qed juri t-triq fejn irid iwassal lil pajjiżna biex nissaħħu flimkien. Nibnu fuq il-valuri li jgħaqqduna, li jagħmluna Maltin u flimkien insaħħu s-soċjeta’ tagħna, lill-individwu u lil pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar it-12-il pilastru tal-viżjoni politika li l-PN għandu għall-iżvilupp u l-futur ta’ Malta u Għawdex.

Bernard Grech qal li iżjed żgħażagħ qegħdin jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista għax qed jifhmu li flimkien magħhom nistgħu nagħmlu pajjiżna aħjar. Huwa ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jieħdu f’idejhom il-partit u jbiddluh biex flimkien nibnu pajjiż aħjar.

Din hija l-ħolma li għandna li jkollna futur aħjar, pajjiż aħjar u l-ebda ħolma mhi impossibbli jekk nieħdu ħsieb xulxin, ngħinu lil xulxin u nifhmu li pajjiżna huwa pajjiż tal-opportunitajiet. Bernard Grech qal li pajjiżna jista’ jimxi ‘l quddiem jekk nifhmu li hija r-responsabbilta’ tagħna lkoll, u mhux biss tal-politiċi, li nwettqu l-ħolm kollettiv u individwali. Għaldaqstant rridu ntejbu, ma nibqgħux niddefendu l-passat, ngħixu l-preżent u naħdmu għall-futur.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-Partit Laburista ma jistax jibqa’ jiddefendi politiċi li kellhom jirriżenjaw u proġetti li għandhom xamma tal-korruzzjoni bħall-proġett tal-power station tal-Electrogas li dwarha l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni biex issir inkjesta pubblika, li iżda l-Gvern Laburista ma riedx u minflok għażel li jibqa’ jiddefendih.

Huwa qal li l-PN irid li jibni fuq l-esperjenza tal-passat u fuq l-enerġija taż-żgħażagħ. Dan meta l-Partit Nazzjonalista kien il-partit li dejjem ta futur aħjar lil-pajjiżna. Għalhekk il-PN qed jerġa’ jinbena biex jagħti futur aħjar lil pajjiżna. Huwa tkellem dwar il-persuni kollha li fil-preżent jinsabu mħassba bl-imxija tal-COVID-19 u saħaq li huma wkoll jgħarrfu li l-PN jrid futur aħjar għal kulħadd.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar Għawdex u enfasizza li kien u se jibqa’ għal qalb il-PN, u ddeskriva lil Għawdex bħala l-post li jurina kif nistgħu nkunu aħjar. Dan meta Għawdex żamm il-karatteristiċi li jagħmluna Maltin, fejn tapprezza kwalita’ tal-ħajja. Huwa qal li l-PN se jibqa’ kontinwament jiżviluppaw politika għal Għawdex flimkien mal-Għawdxin, politika pożittiva għall-istudenti, l-ħaddiema, l-familji u l-anzjani Għawdxin sabiex nippresevaw l-karatteristiċi ta’ Għawdex u ma jintilifx dak li għandna.

“Ejja flimkien insaħħu l-pajjiż tagħna. Iva flimkien nistgħu nissaħħu, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.”

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, Alessia Psaila Zammit u Mark Anthony Sammut.