Lokali

Il-Gvern ma jżommx mal-wegħda tal-proġett fiċ-ċimiterju tal-Addolorata

Iħalsu €4,000 kull wieħed u jibqgħu b'xejn iktar minn tliet snin wara

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) qed titfa’ pressjoni fuq il-Gvern biex isib soluzzjoni għad-dewmien tal-estensjoni tal-proġett li kellu jsir fiċ-ċimiterju tal-Addolorata hekk kif għadd ta’ familji ħalsu ammont sostanzjali f’deposit lill-awtoritajiet konċernati.

L-Assoċjazzjoni qalet li jrċievet għadd ta’ ilmenti matul dawn l-aħħar tliet snin, b’għadd ta’ familji jgħidu li wara li ffirmaw qbil li jixtru qabar ġdid u ħalsu madwar €4,000 kull wieħed, snin wara baqgħu b’xejn.

Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern matul l-aħħar xhur għamel għadd ta’ wegħdiet lil dawn il-familji li x-xogħol se jkun qed jibda daqt iżda wara dawn il-wegħdiet xejn ma jsir. Barra din l-istennija għal xejn, dawn il-familji qed jintalbu biex iġeddu l-kuntratt li għamlu snin ilu.

L-Assoċjazzjoni qed tisħaq li l-Gvern għandu jgħati kumpens ta’ dan il-ħela ta’ żmien fid-dawl li l-Gvern minflok qed jagħti eżempju, minflok qed ikompli jkaxkar saqajh.