Lokali Parlament

Il-kunsilli għandu jkollhom veto fuq deċiżjonijiet fil-lokal

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake enfażizza fil-parlament li l-kunsilli lokali għandu jkollhom veto fuq ċertu deċiżjonijiet li jkunu se jeffettaw il-lokalitajiet tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista David Thake tkellem dwar il-green wardens u qal li l-20 green warden li hawn huma tħat il-kontroll tal-gvern ċentrali; wasal iż-żmien li l-kunsilli lokali jkollhom dawn il-gwardjani ingaġġati magħhom biex tiżdied l-indafa. F’San Pawl il-Baħar hemm problemi kbar kaġunati min-nuqqas ta’ sorvelja tar-regoli minn parti mill-popolazzjoni.

Il-kunsilli lokali għandu jkollhom esperti indipendenti iżda mħallsa mill-gvern ċentrali biex jgħinu lill-kunsilli lokali fil-pariri li għandhom bżonn.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-kunsilli lokali jkollhom dritt ta’ veto jekk se jkun hemm bini fi green areas jew f’ODZ fil-lokalitajiet. Hu qal li l-kunsill lokali għandu jirrifjuta bini li l-gvern ċentrali jiddeċiedi li jagħmel. Dan il-veto għandu jkun ikkunsidrat ukoll fil-każ ta’ twaqqiegħ ta’ bini storiku. Il-gvern ċentrali għandu jagħti importanza ikbar lil dak li tgħid il-komunità.