Lokali

Inċident bi ‘quad bike’ iħalli tfajla tissielet għal ħajjitha

Tfajla Ingliża ta’ 18-il sena residenti s-Swieqi qed tissielet għal ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-6p.m. fi Triq ix-Xwejni fil-limiti ta’ Marsalforn Għawdex meta għal xi raġuni, raġel ta’ 28 sena residenti Ħal Qormi tilef il-kontroll tal-quadbike tal-għamla Kymco.

It-tfajla kienet passiġġiera miegħu fuq il-vettura.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu lill-vittmi. Huma ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn iktar tard, ir-raġel kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tfajla kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana fetħet inkjesta. Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.