Lokali

Joseph Muscat jgħid li “l-awtoritajiet ħadu passi fil-konfront ta’ żewġ persuni”

Ma jsemmix, la lil Konrad Mizzi u lanqas lil Keith Schembri

“Wara iktar minn sentejn l-awtoritajiet ħadu passi fil-konfront ta’ żewg persuni, kif diretti fil-konklużjonijiet ta’ Inkjesta Maġisterjali indipendenti li ntalbet minni stess.” Dan b’rabta mal-inkjesta li kienet intalbet rigward il-kumpanija sigrieta Egrant – li sa issa għadna ma nafux ta’ min hi.

Kien b’dan il-kliem illi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat beda messaġġ li poġġa’ ftit tal-ħin ilu fuq Facebook, fl-istess jum li fih qed jiġu interrogati l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u d-deputat Konrad Mizzi.

Muscat fl-ebda ħin ma jsemmi dawn iż-żewġ ismijiet fil-post tiegħu. Iżda jgħid illi l-avukat Pawlu Lia se jkun qed jidher bħala parte civile għalih u għal martu Michelle matul il-proċeduri.

Rapporti separati qed jindikaw li Joseph Muscat seta’ kien qed jirreferi għall-eks spettur u uffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris li se jkun akkużat b’perġur iżda mhux magħruf min hi t-tieni persuna.