Sport Sport Ieħor

Kavallieri Handball Club se jippreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjoni Ewropea

(Ritratt: Kavallieri Handball Club)

Kavallieri Handball Club, li huwa wieħed mill-klabbs ewlenin tal-handball lokali kien qed jiffoka għal diversi xhur fuq il-EHF (European Handball Federation) European Cup. Il-EHF European Cup hija kompetizzjoni tat-tielet livell u waħda mil-iktar prestiġġjużi fl-Ewropa, b’iktar minn 41 klabb u 18-il pajjiż jikkompetu.

Għall-ewwel darba fl-istorja, Kavallieri Handball Club se jkunu qed jikkompetu bit-tim tan-nisa wara li rebħu l-ewwel diviżjoni tal-MHA (Malta Handball Association) għal żewġ staġuni konsekuttivi. Filwaqt li l-preparazzjoni għal din il-kompetizzjoni bdew ftit xhur ilu, dan it-tim tnissel fl-2010.

Tfajliet fl-età żgħira ta’ 15-il sena kienu mistiedna għal sessjonijiet tal-handball mall-klabb fis-sajf, u minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza, fi ftit xhur irnexxielhom jirbħu l-MHA Girls League tal-U17. Taħt it-tmexxija ta’ wieħed mill-iktar kowċis esperjenzati fil-handball lokali, Mr. Anthony Xuereb, it-tim kompla bis-suċċessi tiegħu permezz ta’ rebħiet tal-kampjonati tal-U17 u l-U21 għal diversi snin konsekuttivi, kif ukoll diversi mill-plejers kienu msejħa mat-tim nazzjonali.

Għaxar snin wara, u l-plejers ewlenin tat-tim huma dawk li nisslu l-bidu tal-klabb fl-2010. Żewġ plejers li ngħaqdu mat-tim dawn l-aħħar snin huma Irena Drugovic mill-Bosnja u d-Daniża Louise Beyer Mouton. Irena toffri kwalità, esperjenza internazzjonali u ideat tattiċi fit-tim, filwaqt li Louise ġġib l-enerġija fil-grawnd. It-trasferiment ta’ Francesca Farrugia mingħand La Salle Handball Club kien wieħed importanti wkoll, hekk kif hi diġa ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni mal-eks klabb tagħha, u għalhekk it-tmexxija u l-esperjenza tagħha se jkunu bżonjużi.

Kavallieri Handball Club tpoġġew direttament fit-tielet rawnd, dak qabel ir-rawnd tal-aħħar sittax. Disa’ timijiet diġa għaddew mit-tieni rawnd, fejn issa baqa’ biss 23 tim. It-tim Malti se jkun qed jaffaċja lill-Griegi A.C. PAOK. Normalment, it-timijiet jilgħabu partita f’darhom u oħra barra minn darhom, però minħabba l-pandemija tal-coronavirus, se jsiru żewġ logħbiet f’Malta ġewwa l-University Sports Hall f’tal-Qroqq nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru u l-Ħadd 22 ta’ Novembru fis-6.00pm.

Il-logħba se tintlgħab mingħajr spettaturi, però l-orġanizzaturi qed jaħdmu biex il-partiti jiġu mxandra onlajn. Iżjed informazzjoni fuq dan jitħabbar iżjed il-quddiem.

Minn grupp ta’ tfajliet ta’ 15-il sena, issa adulti, b’determinazzjoni u ħbiberija, se jippreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjoni Ewropea. Kavallieri Handball Club irid ixerreb din l-istorja biex jinkuraġġixxi lit-tfal u ż-żagħżagħ jinvolvu ruħhom iżjed fl-isport filwaqt li wkoll jippromovu l-handball.

Id-delegazzjoni għal din il-kompetizzjoni se tkun immexxija mil-kowċ Mr. Anthony Xuereb, flimkien mal-assistant żagħzugħ Mr. Liam Harrison, li għadu kemm inħatar bħala kowċ fil-Malta National Sports School.