Lokali

Konrad Mizzi u Keith Schembri interrogati

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-7-00am, il-Pulizija għaldarboħra arrestat lil dak li kien l-id il-leminija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri. L-arrest seħħ fir-residenza ta’ Schembri fil-Mellieha u kien it-tieni wieħed f’inqas minn xahrejn.

Schembri ttieħed fil-binja tat-Taqsima tal-Investigazzjonijiet dwar Reati Finanzjarji fil-Ħamrun. Taqsima li fl-aħħar xhur waqgħet taħt it-tmexxija tal-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo.

Dan wara li l-eks Ministru u Golden Boy ta’ Muscat Konrad Mizzi qatta’ l-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa arrestat fil-binja tat-Taqsima tal-Investigazzjonijet fit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji.

Matul il-jum barra l-binja tal-Pulizija, minn kmieni filgħodu nġabru għadd ta’ ġurnalisti jistennew l-iżviluppi marbuta ma’dawn l-arresti.

Ftit wara d-9.00am dehru deħlin l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, li qed jassistu lil Keith Schembri.

L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo li qed jassistu lil Keith Schembri

Aktar tard dehru deħlin ukoll l-avukat Jean Paul Sammut u l-eks Maġistrat Carol Peralta li qed jassistu lil Konrad Mizzi.

L-avukat Jean Paul Sammut u l-eks Maġistrat Carol Peralta qed jassistu lil Konrad Mizzi

Rapporti li ħarġu matul il-jum tal-bieraħ indikaw li l-aktar żewġ persuni li kienu qrib ta’ Joseph Muscat fis-snin li kien Prim Ministru, kienu qed jiġu interrogati dwar messaġġi suspettużi li kellhom mal-imprenditur Yorgen Fenech.

Fenech bħalissa qed jiffaċċja akkużi ta’ involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li seħħ tliet snin ilu.

Lura fl-2016 Caruana Galizia kienet żvelat li Mizzi u Schembri kellhom arranġament li jirċievu €5,000 kull wieħed kuljum fil-kumpanjiji sigrieta tagħhom fil-Panama,Hearnville u Tillgate. Il-flus kellhom jidħlu mill-kumpanija 17 Black.

Wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia sar magħruf imbagħad li s-sid ta’ 17 Black li kellu jgħaddi l-flejjes lil Mizzi u Schembri kien ħadd għajr Yorgen Fenech.

Apparti dan it-tixħim, Mizzi u Schembri kellhom arranġament ieħor ma’ Fenech. Wieħed marbut mal-windfarms fil-Montenegro.

Hawnhekk Fenech xtara kumpanija fis-Seychelles li ntużat biex imbagħad inxtraw ishma f’windfarm fuq l-għoljiet ta’ Mozura fil-Balkani.

Fenech nefaq €2.9 miljuni għal dawn l-ishma, li ftit ġranet wara inxtraw mill-Enemalta bi flus il-poplu Malti għal €10.3 miljuni. 

Il-kumpanija 17 Black daħlet hawn ukoll, u kellha tkun hi li tittrasferixxi flejjes kbar lil żewġ kumpaniji oħra. Is-sidien ta’ dawn il-kumpaniji kienu Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Yorgen Fenech, Konrad Mizzi u Keith Schembri

B’kollox kellhom idaħħlu maż-€2,000,000 ieħor kull wieħed fis-sena minn dan il-proġett.

Intant, kemm l-eks Ministru Konrad Mizzi kif ukoll l-eks Chief of Staff Keith Schembri inħelsu mill-arrest wara ġurnata ta’ interrogazzjoni mit-taqsima li qed tinvestiga l-każ.

Rapporti qed jgħidu li Mizzi nħeles mingħajr kundizzjoni. Iżda Keith Schembri nħeles fuq Police Bail. dan ifisser li issa Schembri għandu żewġ Police Bails attivi wara li f’Settembru wkoll kien ġie arrestatat u rrilaxxat fuq Police Bail.