Lokali

Meħtieġ li fl-ippjanar ikun hemm ġudikanti indipendenti u imparzjali u proċessi trasparenti

L-Awtorita' tal-Ippjanar

Il-PN juri t-tħassib tiegħu għal ċerti prattiċi fil-qasam tal-ippjanar f’pajjiżna, partikolarment in-nuqqas ta’ ġudikanti imparzjali u indipendenti u n-nuqqas ta’ proċessi trasparenti.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Sostenibbli u Kostruzzjoni Kevin Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Toni Bezzina u David Thake, Kelliem għall-Ambjent – ingħad li fi storja pubblikata minn the Times of Malta, ħareġ li t-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ġie ppresedut minn persuna impjegata mal-Awtorita’ tal-Ippjanar u li qegħdha fuq unpaid leave.

Il-PN insista li mingħajr ma wieħed inaqqas mill-integrita’ tal-persuna, wieħed ma jistax ma jinnutax il-kunflitt ta’ interess li din il-persuna taffaċja u dan minħabba li t-tribunal jisma’ u jiddeċiedi appelli minn deċiżjonijiet tal-Awtorita tal-Ippjanar. Dan kollu jwassal għal nuqqas ta’ imparzjalita u indipendenza fil-ġudikant. Każ ta’ din ix-xorta kien diġa` seħħ ftit żmien ilu u l-Gvern u in partikolari l-Ministru responsabbli Aaron Farrugia mhux talli m’għamlu xejn biex jikkoreġu s-sitwazzjoni, iżda  talli reġgħu qed jirrepetu l-iżball kif turi l-istorja tat-Times of Malta.

Imbagħad, f’rapport pubblikat mill-Awditur Ġenerali, l-Awtorita’ tal-Ippjanar ġiet kritikata  għan-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċessi interni tagħha. Meta mitluba, l-Awtorita’ ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi lill-Awditur Ġenerali b’dokumenti importanti li jirrigwardaw direct orders li jammontaw għal eluf ta’ ewro. Mir-rimarki tal-Awditur Ġenerali, dan jista’ jiġi spjegat b’żewġ modi, n-nuqqas tal-Awtorita’ li żżomm id-dokumenti maħżuna tajjeb, inkella li kuntrarju għal dak mistenni, dawn id-dokumenti ma saru qatt. F’kull każ hemm lok ta’ inkompetenza, biex ma ngħidux ukoll prattiċi dubjużi  li għalihom ma jaħti ħadd ħlief il-Gvern u in partikolari l-Ministru Aaron Farrugia li fl-aħħar mill-aħħar fuqhom taqa’ r-responsabbilta’ ta’ din l-Awtorità.

Il-PN sostna li fatti bħal dawn inaqqru mill-ġustizzja li l-pubbliku jistenna għax jagħtu lok għal dubji u suspetti fil-proċessi tal-ippjanar f’pajjiżna. Fuq kollox, li fatti bħal dawn jibqgħu jitħallew iseħħu juru kemm il-Gvern Laburista m’għandux ir-rieda li f’pajjiżna tirrenja ta’ bilħaqq is-saltna tad-dritt li tagħha l-imparzjalita’ u l-indipendenza tal-ġudikanti u t-trasparenza fil-proċessi huma pilastri ewlenin.