Lokali Qorti

Milqugħa talba biex il-parte civile tagħmel domandi fuq li stqarr Yorgen Fenech meta kien arrestat

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet talba tal-avukati tal-familja Caruana Galizia biex tkun tista’ tagħmel id-domandi opportuni fuq dak li qal Yorgen Fenech meta kien arrestat.

Il-Qorti qalet li l-Pulizija Prosekuturi għandhom jixhdu dwar l-istqarrija li għamel Yorgen Fenech anke għall-fini li jingħata Maħfra Presidenzjali, iżda limitatament safejn din tikkoncċrna l-involviment tiegħu fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. u mhux informazzjoni dwar delitti oħrajn li ma jinsabx akkużat bihom hu.

L-iżvelar ta’ taghrif dwar delitti oħrajn mhux konnessi mad-delitti li qed jiġi akkużat bihom Fenech, jista’ jippreġudika l-andament u l-integrità tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’dawk id-delitti.  

Il-Qorti qalet ukoll illi ġaladarba l-Avukat Ġenerali fir-risposta tiegħu ddikjara illi huwa bi ħsiebu jitlob huwa stess li tinstema’ ix-xhieda tas-Superintendent Keith Arnaud, l-Ispettur Kurt Zahra u tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, b’rabta mal-istqarrija li għamel Fenech għall-fini tal-Proklama.

Din ix-xhieda għandha tingħata meta hekk jesiġi l-Avukat Ġenerali u mhux permezz ta’ domandi li jsiru mill-parti civile, tal-anqas f’dan l-istadju. Ghal dawn ir-raġunijiet, it-talba tal-parti civile fir-rikors li għamlet qed tiġi milqugħa.

Din it-talba saret b’konnessjoni mal-każ li fih Yorgen Fenech jinsab akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fir-rikors li kien ġie preżentat mill-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia saret talba biex il-parte civile tiġi awtoriżżata:-“taghmel domandi lill-Uffiċjal Prosekutur dwar dak kollu, u mhux biss selezzjoni, fuq dak li stqarr Fenech waqt l-arrest tieghu.”

Yorgen Fenech oppona din it-talba fejn ingħad li dan huwa t-tieni rikors li ġie ppreżentat mill-parti civile bl-istess talba minkejja li l-ewwel rikors tal-14 ta’ Ottubru 2020 ġie miċħud. Huwa rrimmarka li l-parte civile ma tistax terġa’ tipproponi l-istess talba ġaladarba din diġa` giet miċhuda.

Madanakollu, il-Qorti tosserva li filwaqt li hu minnu li r-rikors tal-parti civile tal-14 ta’ Ottubru 2020 ġie miċhud bid-digriet tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2020, kien ingħad ukoll f’dak id-digriet li l-istess talba kellha ssir sakemm l-atti tal-kompilazzjoni jiġu jinbagħtu lura lill-Qorti mill-Avukat Ġenerali u wara li l-Qorti tieħu konjizzjoni tat-talba tiegħu bil-miktub dwar ix-xhieda li għandhom jinstemgħu jew jerġghu jinstemgħu minnha.

Dan jinkkudi wkol fuq kull azzjoni jew miżura oħra li għandha tieħu b’rabta mal-kumpilazzjoni. Ġie osservat ukoll li t-talba tal-parti civile sabiex l-Uffiċċjal Prosekutur jixhed dwar dak kollu li stqarr l-imputat Yorgen Fenech waqt li kien arrestat, m’hijiex opposta mill-Avukat Ġenerali.

Fir-risposta tiegħu għar-rikors, qal li jaqbel illi ghandha tinstema’ x-xhieda dwar dak li stqarr Yorgen Fenech b’mod kunfidenzjali mal-Pulizija waqt li kien arrestat. Ghaldaqstant, minn din il-perspettiva it-talba tal-parte civile ma tistax titqies li hija inammissibbli jew insostenibbli.