Futbol Sport

Nerġgħu nirbħu, u Mifsud jiskorja fl-aħħar logħba tiegħu

Ritratt ta' Domenic Aquilina

Malta 3 Liechtenstein 0

Jum l-aħħar partita għall-aqwa skorer ta’ kull żmien, tat-tim nazzjonali Malti Michael Mifsud, se jibqa’ imfakkar bħala wieħed memorabbli fl-istorja tal-futbol Malti. F’konfront ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein, Malta komplejna nilgħabu futbol sabiħ, niddominaw fil-pusses tal-ballun, niskorjaw iżda fuq kollox nirbħu. Veru każ li taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan, Devis Mangia l-iskwadra nazzjonali ta’ pajjiżna qed tikteb kapitlu ġdid u eċitanti. Dnub li dan kollu qed iseħħ bil-bibien magħluqa għaliex dan kollu kien ikollu relevanza ħafna ikbar kieku l-partitarji tas-South End Core kienu preżenti.

Bl-istess mod, kieku bħall-llum l-istess partitarji kien ikollhom l-opportunitá li jselmu u jirringrazzjaw kif jixraq lil Mifsud, li kontra Liechtenstein lagħab il-143 partita tiegħu u żied gowl ieħor mal-lista, għal total ta’ 42 gowl bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti. Interessanti l-fatt li minn dan l-ammont kollu ta’ gowls, Mifsud skorja l-aktar kontra l-istess Liechtenstein; tmien gowls b’kollox.

Debutt għaż-Żejtuni Tabone

Fl-aħħar logħba ta’ Mifsud ma’ Malta, kien hemm debutt ta’ Malti ieħor f’nofs il-grawnd sa mill-ewwel minuta. Dan hekk kif Mangia għażel li jagħti fiduċja lit-talent ta’ 23 sena ta’ Żejtun Corinthians, Neil Tabone li sa mill-bidu tat-tmexxija tal-kowċ Taljan, dejjem għażel lil dan il-midfielder fl-iskwadra iżda kien għadu qatt ma lagħab.

Mill-aħħar formazzjoni inizjali tal-Maltin kontra l-Latvja f’Riga, Mangia biddel tim sħiħ, bl-eċċezzjoni ta’ Steve Borg, li rrionikament kien il-plejer li xahar ilu kien skorja l-gowl tar-rebħa fil-95 minuta. F’dawn il-partiti ta’ ħbiberija, Mangia qed jagħżel dejjem li jesperimenta u jagħti fiduċja lil dawk il-plejers li normalment ma jkunux regolari fl-għażliet tiegħu fil-partiti kompetittivi, filwaqt li jieħu l-opportunitá li sseraħ ċertu plejers, hekk kif bejn nhar is-Sibt u t-Tlieta li ġej, Malta se tkun qed tilgħab darbtejn oħra, kontra Andorra u l-Gżejjer Faroe rispettivament.

Mifsud jiftaħ l-iskor wara erba’ minuti

Wara inqas minn minuta logħob, Liechtenstein kellhom l-ewwel ċans tal-partita f’saqajhom, iżda naqsu milli japprofittaw meta clearance ħażina tad-difensur ċentrali, Jean Borg ġiet f’saqajn Fabio Wolfinger, bil-konklużżjoni tiegħu tkun salvata minn Jake Galea.

Iżda meta l-iżball sar mill-avversarji, il-Maltin ħatfu ċ-ċans biex jikkastigaw lill-Liechtenstein. Fir-raba’ minuta tal-partita, id-difiża ta’ Liechtenstein dehret inċerta u minn azzjoni ta’ throw-in, Bjorn Kristensen ħoloq pressjoni, rebaħ il-ballun, għaddiħ lejn MIFSUD, li minn posizzjoni angolata xeħet fil-baxx wara l-gowlkiper avversarju għal gowl bikri, iżda sinifikanti fl-aħħar partita tiegħu ma’ Malta.

11-il minuta wara, Liechtenstein ipprotestaw għal penalty meta Ridvan Kardesoglu deher jaqa’ fil-kaxxa meta kien f’kuntatt ma’ Borg, iżda ġustament, ir-referee mill-Litwanja ħalla l-logħob għaddej.

Il-Maltin nerġgħu niskorjaw minn free-kick

Disa’ minuti wara, BORG reġa’ kien fl-azzjoni u fil-pożittiv, meta bir-ras ikkonkluda fix-xibka, minn free-kick mogħti tajjeb minn Steve Pisani. Għal Borg dan kien it-tielet gowl ma’ Malta, u t-tieni wieħed f’żewġ partiti konsekuttivi.

L-avversarji tagħna resqu viċin il-gowl ftit tal-ħin wara, meta Kardesoglu rċieva pass tajjeb fit-tul, avvanza iżda x-xutt tiegħu għadda barra.

Mifsud jinbidel mad-debuttant Satariano

Il-ħsieb oriġinali qabel din il-partita kien li Mifsud kellu jinbidel fil-partita, mal-minuta ekwivalenti għat-total ta’ gowls li jkun skorja ma’ Malta; iġifieri suppost fil-42 minuta. Ġara iżda li Mangia biddel kollox u Mifsud baqa’ jilgħab u nbidel fis-60 minuta, ironikament ma’ debuttant ieħor Malti fil-ġurnata, Alex Satariano li jilgħab ma’ Sliema Wanderers. Il-ħruġ ta’ Mifsud wassal għal ċapċipa kbira mill-uffiċjali tal-MFA u l-ġurnalisti preżenti. Min jaf x’ċapċipa kien ikun hemm f’Ta’Qali, kieku l-COVID-19 qatt ma tfaċċa fid-dinja.

Fit-tieni taqsima, il-partita kienet anqas eċitanti mill-ewwel 45 minuta, tant li l-azzjonijiet kienu anqas. Mangia kompla jużha din it-taqsima biex jagħti aktar ċans lil plejers ġodda fit-tim, waqt li f’moħħu kien qed jaħseb dwar il-partita li jmissna nilgħabu, nhar is-Sibt li ġej kontra Andorra.

Jidebutta ukoll Busuttil u Malta tiskorja t-tielet wieħed

Fis-77 minuta tal-partita, Malta wetqet tliet sostituzzjonijiet f’daqqa, fosthom daħal jilgħab it-tielet debuttant Malti fil-ġurnata, Jan Busuttil ta’ Floriana.

Fl-aħħar għaxar minuti tal-logħba, is-sostitut Jean Paul Farrugia rebaħ penalty għall-Maltin, meta konklużjoni tiegħu kienet ostakolata minn idejn Daniel Brändle fil-kaxxa l-kbira. Ir-referee ordna penalty u kien l-istess FARRUGIA li mill-ħdax il-metru għeleb lil Thomas Hobi għal 3-0.

Ma soffrejnix gowl fl-aħħar erba’ partiti

Tmiem il-partita fisser il-ħames riżultat konsekuttiv pożittiv għal Malta li fihom ma tlifnix. Minn dawn il-partiti, tlieta minnhom kienu rebħiet, u fl-aħħar erba’ partiti ma soffrejnix gowl filwaqt li skorjajna seba’ darbiet. Aktar minn hekk f’dawn l-aħħar ħames partiti, l-akbar persentaġġ ta’ pussess tal-ballun, dejjem kien tal-Maltin (probabilment qatt fl-istorja tat-tim nazzjonali Malti, ma kelna daqstant partiti konsekuttivi li fihom kelna dejjem l-akbar persentaġġ ta’ pussess).

Dan mhux kollox, iżda f’dawn l-aħħar ħames partiti, it-tim nazzjonali Malti kompla jagħti aktar debutt lil plejers ġodda u żgħażagħ; sebgħa plejers b’kollox. Din kienet il-filosofija tal-kowċ preċidenti, Ray Farrugia u li l-kowċ attwali, Mangia qed ikompli jimxi fuqha. Dawn in-numri huma ftit mill-eżempji sempliċi li ħadd ma jista’ jmerri u li jagħtu prova biżżejjed tal-progress li qed isir. It-triq hija twila u għadna ‘l bogħod milli nilħqu t-tragward mixtieq, iżda mexjin fid-direzzjoni t-tajba u kull Malti li tassew iħobb it-tim nazzjonali ta’ pajjiżna, għandu jkun ewforiku għal dawn ir-riżultati.

Ejjew inħarsu ‘il quddiem b’ottimiżmu. Wara r-rebħa tal-lejla, għadna ċans nilħqu objettivi ġodda fil-partiti li jmissa kontra Andorra u l-Gżejjer Faroe, nhar is-Sibt u t-Tlieta li ġej.

Malta 3 | 16 Jake Galea, 2 Jean Borg (27 min 5 Karl Micallef), 3 Neil Tabone, 4 Steve Borg (77 min 13 Kurt Shaw), 8 Jake Grech (77 min 20 Jan Busuttil), 9 Michael Mifsud 60 min 17 Alex Satariano), 10 Stephen Pisani (60 min 11 Rowen Muscat), 15 Juan Corbolan, 19 Bjorn Kristensen, 21 Shaun Dimech (77 min 14 Jean Paul Farrugia), 23 Tristan Caruana

Liechtenstein 0 | 1 Thomas Hobi, 2 Daniel Brändle, 3 Max Göppel, 6 Andreas Malin, 7 Ridvan Kardesoglu, 8 Aron Sele (69 min 19 Philipp Ospelt), 13 Martin Büchel (86 min 22 Alexander Marxer), 15 Seyhan Yildiz, 16 Fabio Wolfinger (69 min Noah Graber), 18 Nicolas Hasler, 20 Sandro Wolfinger

Referee | Manfredas Lukjancukas (Litwanja)

Karti sofor | 36 min Ridvan Kardesoglu (Liechtenstein)

Skorjaw | 4 min Michael Mifsud (Malta); 20 min Steve Borg (Malta); 84 min Jean Paul Farrugia (Malta)