Lokali

Nissaħħu Flimkien: 12-il pilastru tal-viżjoni politika tal-PN għal Malta u Għawdex

Il-PN ressaq ‘il quddiem 12-il-pilastru tal-viżjoni politika tiegħu biex flimkien nfasslu l-futur għal Malta u Għawdex. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Minority Leader tal-PN f’Ħal Qormi Jerome Caruana Cilia, l-Minority Leader tal-PN fis-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit u l-Minority Leader tal-PN fil-Gudja Mark Anthony Sammut.

Jerome Caruana Cilia tkellem dwar Patt Soċjali Ġdid fejn l-ekonomija trid tkun mibnija fuq soċjeta ġusta. li jgħaqqad mudelli innovattivi kif inħarsu lejn l-istabbilita’ fl-impjieg, il-pagi tal-ħaddiema, l-kwalita’ tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-aspett dejjem aktar importanti tal-work-life balance. Priorita’ ewlenija l-introduzzjoni tal-living income f’pajjiżna u r-reviżjoni tal-COLA. Huwa tkellem dwar il-pilastru t-Talent uman jibqa’ l-bażi tal-futur ekonomiku li jrid jinbena fuq trasformazzjoni fl-edukazzjoni li trid tibda minn aspett li l-Gvern iddeċieda li jabbandunah għal kollox: l-għalliema u l-edukaturi.

Dwar il-pilastri Pagi Li Jrendu u Żvilupp Soċjali, Jerome Caruana Cilia qal li l-qofol tal-politika soċjali tagħna u kif aħna nħarsu lejha bħala parti integrali tal-viżjoni ekonomika għal pajjiżna. Ekonomija b’saħħitha għal poplu b’saħħtu f’pajjiż li jgħożż il-ġustizzja soċjali. Huwa tkellem ukoll dwar il-pilastru dwar Għawdex fiċ-ċentru u mhux sempliċi annex ta’ Malta u kif Għawdex għandu bżonn pjan strateġiku ħolistiku li jħares lejn fejn irridu nieħdu din il-gżira fl-10 snin li ġejjin. Pjan li jinħadem mal-Għawdxin stess.

Alessia Psaila Zammit tkellmet fuq il-pilastru dwar In-Nisa u enfasizzat li għandna nirsistu fuq inizjattivi li jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-mara fil-politika u fis-socjetá. F’Marzu li għadda, l-PN qabel mal-prinċipju li jiddaħħal mekkaniżmu biex jiżdiedu siġġijiet għan-nisa fil-Parlament. Hija qalet li inizjattivi bħal Gender Balance Mechanism, huma meħtieġa biex inħaffu l-progress fl-ugwaljanza. Alessia Psaila Zammit tkellmet dwar il-pilastru tal-Kampanja u Agrikoltura u enfasizzat li l-biedja teħtieġ impenn akbar u pjan strateġiku biex din is-sengħa ma titilifx, u jeħtieg li jkun segwiet b’attenzjoni, tingħata vuċi akbar lill-bdiewa u jitfassal pjan effettiv u sostenibbli.

Dwar il-pilastru tal-Kwalita’ tal-Ħajja, Alessia Psaila Zammit qalet li l-PN huwa mpenjat li l-persuna tkun fiċ-ċentru tal-politika u jfassal politika li tħeġġeġ li kull individwu jilħaq l-milja tiegħu f’kull aspett. Meta l-pajjiż jiffoka fuq pjan konkret li jiftaħ il-bibien biex kull persuna tilħaq il-milja tagħha, jissaħħaħ u jiġġenera aktar ġid għal kulħadd.

Mark Anthony Sammut tkellem fuq l-ewwel pilastru L-Ambjent fil-qofol tal-viżjoni: l-ambjent kollu li jdawwarna: rurali, urban, naturali u personali. Fejn il-kostruzzjoni u l-ambjent ma jkunux għedewwa, nipproteġu l-ambjent naturali u l-biodiversita’ filwaqt li ninċentivaw teknoloġija nadifa u t-tisħiħ tal-ekonomija ħadra.

Tkellem ukoll dwar il-pilastru tal-Viżjoni ekonomika f’pajjiż sigur fejn irridu naraw li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod tassew indipendenti u bl-istess mod ma’ kulħadd, xandir pubbliku imparzjali u poplu magħqud fuq il-valuri bażiċi, etiċi u universali. Dan biex inwettqu l-pilastru Nirrispettaw dak li jagħmilna Maltin, meta għandna ħafna biex inkunu kburin; il-lingwa, l-kultura, l-wirt storiku u l-valuri li jagħmluna min aħna llum. Mark Anthony Sammut tkellem dwar, Iż-Żgħażagħ fil-Qofol tat-Tmexxija Pubblika u Privata, pilastru fejn irridu naraw iż-żgħażagħ fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Irridu liż-żgħażagħ ipoġġu magħna mal-mejda sabiex niddjalogaw u niddeċiedu flimkien magħhom.
Il-viżjoni politika tal-Partit Nazzjonalista hija bbażata fuq 12-il pilastru li huma:

  • L-ambjent fil-qofol tal-viżjoni politika
  • Kwalita’ tal-ħajja
  • Iż-żgħażagħ fil-qofol tat-tmexxija pubblika u privata
  • It-talent uman jibqa’ l-bażi tal-futur ekonomiku
  • Setturi ekonomiċi b’pagi li jrendu
  • Nirrispettaw dak li jagħmilna Maltin
  • Patt soċjali ġdid
  • Żvilupp Soċjali
  • In-nisa
  • Għawdex fiċ-ċentru u mhux sempliċi annex ta’ Malta
  • Kampanja u agrikoltura
  • Viżjoni ekonomika f’pajjiż sigur

Din kienet l-aħħar konferenza tal-aħbarijiet minn sensiela dwar it-12-il pilastru tal-viżjoni politika tal-PN għall-iżvilupp ta’ Malta u Għawdex, liema viżjoni politika tressqet u ġiet spjegata fit-tul mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt id-diskors bi tweġiba għall-baġit.