Futbol Sport

Rebħiet għall-Italja u l-Portugall, dro għal Spanja

(Ritratt: EPA)

L-Italja għelbu faċilment lill-Estonja 4-0, f’partita ddominata mir-rebbieħa. It-Taljani fetħu l-iskor wara biss kwarta logħob permezz ta’ gowl mill-isbaħ ta’ Vincenzo GRIFO. Huma rdoppjaw fis-27 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Federico BERNARDESCHI. Fil-75 minuta, t-Taljani ngħataw penalty wara li Roberto Gagliardini twaqqa fil-kaxxa, b’GRIFO inkwadra mill-11-il metru. Huma rebħu penalty ieħor għaxar minuti wara, fejn Riccardo ORSOLINI għalaq il-partita bir-raba’ gowl.

Spanja kienu miżmuma fi dro ta’  1-1 mill-Olanda. Sergio CANALES poġġa lill-Ispanjoli fil-vantaġġ wara 19-il minuta logħob, bl-Olandiżi rrispondew fis-47 minuta permezz ta’ Donny VAN DE BEEK.

Il-Belġju ħarġu rebbieħa fil-konfront kontra l-Iżvizzera 2-1. L-Iżvizzera marru fuq quddiem minn gowl ta’ Admir MEHMEDI fit-12-il minuta. Fit-tieni taqsima, l-Belġju dawru l-logħob favurihom meta Michy BATSHUAYI sab ix-xibka darbtejn.

Rebħa kbira għal Portugall ta’ 7-0 kontra l-Andorra. Fl-ewwel taqsima, Pedro NETO u PAULINHO poġġew  lit-tim Portuġiż 2-0 minn fuq. Fit-tieni taqsima, kompla d-dominju tal-Portugall minn gowls ta’ RENATO SANCHES, Cristiano RONALDO, Joao FELIX, ieħor ta’ PAULINHO, u own gowl ta’ Emili GARCIA.

Il-Ġermanja kellhom rebħa minima ta’ 1-0 kontra r-Republika Ċeka bil-gowl deċiżiv wasal fit-13-il minuta permezz ta’Gianluca WALDSCHMIDT.