Basketball Sport

Starlites GIG l-uniku team b’żewġ rebħiet

(Ritratt: Matthew Tabone)

Colin Schembri

Luxol Bupa 72

Mellieħa Libertas Spalding 62

(15-15)(15-17)(26-8)(16-22)

Bupa Luxol ħadu l-ewwel rebħa fil-kampjonat kontra Mellieħa Libertas Spalding għalkemm kellhom isofru t-tentattiv ta’ rimonta minn naħa ta’ Mellieħa lejn tmiem il-partita fejn huma waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod. Luxol inkludew għall-ewwel darba lil Naz Buhagiar fil-waqt lil Mellieħa kienu bl-istess formazzjoni li għelbet lil Hibs fl-ewwel ġurnata. Il-partita kellha bidu bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrisppondu lil xulxin fl-ewwel minuti. L-Amerikan ta’ Luxol Kyree Elder għamel l-ewwel trippla tiegħhu bil-punti ta’ Mellieħa jaslu minn Vukassin Jandric għalkemm matul il-partita l-vjola rnexxielhom jikkontrollawh tajjeb. Mellieħa marru fuq quddiem b’żewġ baskets ta’ Klemen Skrabec però trippla oħra ta’ Elder għalqet it-taqsima fuq parita ta’ 15-15. Fit-tieni perjodu, Nenad Stojanovski reġa poġġa lil Mellieħa fuq quddiem iżda Luxol malajr wieġbu bi trippla ta’ Jean Paul Schembri u t-tielet waħda ta’ Elder. Mellieħa reġgħu marru għall-aħħar darba minn fuq wara punti minn Peter Shoults u trippla ta’ Jandric. Luxol wieġbu permezz tal-Amerikan Arsenio Arrington li però falla ħafna free-throws. Shoults għamel trippla għal Mellieħa qabel ma Elder għamel l-aħħar basket tat-taqsima għal skor ta’ 32-30.

Wara l-intervall il-partita ħadet xejra differenti hekk kif Luxol bdew jinqatgħu mill-avversarji. Fil-fatt huma bdew b’run ta’ 10-2 fejn Arrington beda jidħol aktar fil-partita. Wara basket ta’ Skrabec għal Mellieħa, Luxol kellhom break ieħor qawwi ta’ 16-4 bi trippli minn Elder, Schembri u Isaac Pace għal skor ta’ 56-40. Luxol dehru fil-kontroll tal-partita speċjalment wara li fetħu l-aħħar taqsima bi tmien punti oħra mingħajr risposta. Huma kabbru l-vantaġġ għal 23 punt 69-46 però hawn Mellieħa ġew f’tagħhom u megħjuna minn żbalji ta’ Luxol frott tan-nuqqas t’esperjenza, għamlu run ta’ 16-0 fejn kellhom diversi punti minn Shoults, Isaac Bonett u trippla ta’ Anthony Schembri.  Id-distakk niżel għal seba’ punti però l-ħin kien favur Luxol u punti minn Elder rawhom jagħlqu l-partita fuq skor ta’ 72-62 biex ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat.

Luxol BUPA: J. Cefai 2,K. Gauchi, N. Buhagiar, E. Caruana Montalto, JP Schembri 8, L. Trapani, I. Pace 3, K. Elder 32, S. Opojevlic, A. Arrington 16, S. Capello 11.

Mellieħa Libertas: A. Schembri 5, V. Jandric 17, M. Falzon, P. Shoults 14, M. Azzopardi, I. Bonett 10, C. Briffa, M.Gauchi Montaldo, N. Stojanovski 10, K. Skrabec 6.

Referees: Bernard Vassallo, Daniela Torok, Luke Camilleri.

Hibernians 84

Depiro 68

(16-16)(22-15)(30-16)(16-21)

Hibs irnexxielhom jegħlbu l-isfida ta’ Depiro biex ukoll ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat. Huma għamlu dan mingħajr is-servizz tal-player barrani tagħhom Ivan Demcesen li minkejja li kien fuq il-bank ma ħax sehem fil-partita minħabba uġiegħ f’dahru. Minn naħa l-oħra Depiro kienu bl-iskwadra kompluta però l-wirja tal-Amerikani Marlon Sierra u Cliff Thomas ma kienitx dik li xtaqu. Depiro nkludew ukoll għall-ewwel darba lil Myron Agius. Hibs fetħu l-partita b’disa’ punti mingħajr risposta maqsuma bejn Nikola Vasovic li kellhu wkoll trippla flimkien ma’ Marco Matijevic. Depiro fetħu l-punteġġ tagħhom bi trippla ta’ Miguel Brincat u komplew bil-punti ta’ Sierra u Thomas u waslu sa’ basket ‘l bogħod. Hibs reġgħu kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Luke Farrugia u punti ta’ David Bugeja però kienu Depiro li għamlu l-aħħar punti tas-sessjoni bi trippla ta’ Miguel Mallia u punti ta’ Andy Attard biex ippareġjaw 16-16. Depiro fetħu l-aħjar fit-tieni taqsima permezz ta’ Adam Chomo u Mallia biex marru 4 minn fuq 23-19. Hawn però kien hemm reazzjoni tal-Hibs li ssarfet fi break ta’ 15-2 b’żewġ three pointers ta’ Keith Dimech u l-punti ta’ Bugeja u Anton Axiaq. Depiro waqqfuhom bi trippla oħra ta’ Mallia però kienu Hibs li daħlu jistrieħu 38-31 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Depiro reġgħu naqqsu d-distakk għal 5 punti 37-42 però Hibs malajr reġgħu wieġbu b’run oħra ta’ 12-2 li għalquha bi trippla ta’ Vasovic. Il-coach ta’ Depiro James Bamfield kien kostrett jieħu żewġ time-outs f’din is-sessjoni hekk kif Hibs kellhom sensiela ta’ trippli, 2 minn Kieron Caruana u oħrajn minn Paul Attard u Vasovic għal skor ta’ 68-47. Fl-aħħar taqsima Depiro wettqu sforz biex jerġgħu jidħlu fil-partita u għamlu run ta’ 12-2 b’diversi punti ta’ Kurt Xuereb u Sierra però kienu għadhom 12 -il punt minn taħt 61-73. Wara time-out minn Mario Tabone, Hibs għamlu break ta’ 9-2 biex għal darb’oħra fetħu vantaġġ komdu li baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u ħadu r-rebħa 84-68.

Hibernians: P. Attard 3, D. Bugeja 15, K. Caruana 9, L. Farrugia 9, N. Vasovic 17, A. Axiaq 9, M. Matijevic 9, K. Dimech 13, N. Cassar, M. Attard, I. Demcesen.

Depiro: M. Sierra 14, C. Thomas 13, M. Agius, D. Pisani, A. Attard 7, N. Grech, D. Farrugia, K. Xuereb 8, M. Borg, M. Brincat 3, M. Mallia 12, A. Chomo 11.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Vladimir Nikolic.

Gżira Athleta 66

Starlites GIG 77

(16-17)(18-25)(23-15)(9-20)

Starlites GIG huma l-unika team li ħadu żewġ rebħiet fil-kampjonat meta għelbu lil Gżira Athleta 77-67 biex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika wara żewġ partita. Athleta setgħu finalment jagħmlu użu miż-żewġ players Amerikani Dylan Causewell li spiċċa bħala l-aħjar skorer tal-logħba b’31 punt u Dedrain Parmer li kellhu debutt aktar kwiet. Huma kellhom għall-ewwel darba lil Pablo Cefai u Sean Galea fil-waqt li Starlites kellhom l-iskwarda kompluta tagħhom però mingħajr il-coach Paul Ferrante li kien indispost. Trippla tal-Amerikan Robert Ahearn fetħet il-partita għal Starlites li komplew bil-punti tat-tieni Amerikan tagħhom Travis McConico. Athleta wieġbu b’run ta’ 10-0 bil-punti ta’ Causewell, Nathan Xuereb u Matthew Gouder biex marru fuq quddiem. Starlites ġew lura bil-baskets ta’ Alec Felice Pace u McConico biex temmew l-ewwel taqsima 17-16 minn fuq. Fit-tieni perjodu Athleta fetħu bit-trippli ta’ Xuereb u Gouder però l-punti ta’ McConico komplew ġejjin għal Starlites li kellhom ukoll dawk ta’ Robert Bonnici u fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 30-25. Trippli fuq kull naħa minn Xuereb u Matthew Scerri ħallew lil Starlites fuq quddiem u huma komplew ikabbru l-vantaġġ wara l-punti ta’ Ahearn, Ryan Carabott u trippli minn Scerri u Felice Pace biex daħlu jistrieħu 42-34 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, l-logħob kien maqsum fl-ewwel ħinijiet u trippli ta’ Causewell u Parmer raw lil Athleta jnaqqsu d-distakk. Kien hemm three pointer ieħor minn Felice Pace qabel run ta’ 13-2 minn Athleta b’aktar three pointers tal-Amerikani li tathom vantaġġ ta’ basket 57-55. Qabel intemmet it-taqsima Starlites ippareġjaw 57-57 bil-punti ta’ Jack Zammit. Fl-aħħar taqsima, Starlites ħarġu tajjeb u għamlu 8 punti mingħajr risposta. Athleta ppruvaw jirkupraw malajr u għal darbtejn waslu sa’ basket ‘l bogħod. Athleta però ma rnexxielhomx jagħmlu aktar punti u kienu Starlites li għalqu l-partita bil-punti ta’ McConico biex ħarġu rebbieħa 77-66.

Gżira Athleta: D. Causewell 31, D. Parmer 10, N. Bukva 2, F. Mifsud Bonnici, J. Wait, P. Cefai, L. Stefanovic, S. Galea. N. Xuereb 16, M. Gouder 7, S. Vincic, R. Abela.

Starlites GIG: A. Felice Pace 12, J. Zammit 8, B. Zammit, R. Bonnici 2, I. Felice Pace 5, M. Fabri, M. Vella, M. Scerri 7, R. Carabott 1, T. McConico 27, A. Xuereb, R. Ahearn 16.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Ivica Simic.